Imut d-Deputat u l-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo

'Se tibqa' mfakkar għax-xogħol, għal-lealtá u għall-imħabba li kellek għan-nazzjon' - Bernard Grech

Aktar kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tad-Deputat, l-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo.

L-intraprenditur ħalla din id-dinja ta' 67 sena. Apparti l-karriera politika tiegħu, Arrigo kien il-President tal-klabb tal-futbol ta' Sliema Wanderers u Viċi President tan-Neptues WPC, fost oħrajn.

Huwa daħal fil-politika fl-1994 meta kien elett bħala l-ewwel Sindku ta’ Tas-Sliema. Hu kien ikkonfermat f’din il-kariga fl-elezzjonijiet tal-1997, 2000 u 2003, b’żieda fil-voti minn elezzjoni għal oħra.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2003, Robert Arrigo kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament, kif baqa’ jagħmel ukoll fl-elezzjonijiet ta’ wara sal-aħħar waħda f’Marzu li għadda. Fil-Parlament hu serva diversi karigi Parlamentari.

Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Robert Arrigo kien elett b’maġġoranza bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma fil-Partit, fejn baqa’ jservi sat-tmiem tat-terminu aktar kmieni din is-sena. Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, hu ntagħżel mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bħala l-Kelliem għat-Turiżmu, li kien suġġett tant għal qalb Robert Arrigo.

Dan l-aħħar huwa stqarr mal-pubbliku dwar il-battalja tiegħu mal-kanċer u li s-saħħa hija imprezzabbli. Intant is-sena l-oħra Arrigo affaċċja battalja oħra meta kellu jingħata l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) hekk kif kellu infezzjoni fid-demm. 

'Se tibqa' mfakkar għax-xogħol, għal-lealtá u għall-imħabba li kellek lejn in-nazzjon'

Intant b'reazzjoni għal din l-aħbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja tiegħu u rringrazzjah tal-ħidma tiegħu fil-partit u fil-pajjiż. Stqarr ukoll li ftit tal-jiem ilu, minkejja d-diffikultajiet li kellu Arrigo, mar id-Dar Ċentrali "u b'passjoni tkellimna dwar is-settur li kont tirrappreżenta", jiġifieri dak tat-Turiżmu. 

"Tibqa’ mfakkar għax-xogħol siewi tiegħek, għal-lealtá lejn il-Partit imma fuq kollox għall-imħabba li kellek lejn dan in-nazzjon," qal Grech. 

Fl-aħħar huwa wassal il-kondoljanzi tiegħu lejn marttu Marina u uliedu. 

'Bla kliem.'

L-eks Kap tal-Partit Adrian Delia ukoll esprima s-sogħba tiegħu. Huwa stqarr fuq Facebook li jinsab bla kliem li d-dinja tilfet, "raġel kariżmatiku li kien iqatta siegħat sħaħ minn ħajtu jgħin lil kull min hu fil-bżonn." 

Huwa temm jgħid li Arrigo kien raġel uniku b'qalb tad-deheb u li se jibqa' jiftakru bħala "ħabib ta' veru u dejjem leali."

'F'ħajtu ta' kontribu kbir lis-soċjetà f'diversi oqsma' 

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela wkoll sellem il-memorja ta' Arrigo u ddeskrivih bħala ġentlom li f’ħajtu ta kontribut kbir lis-soċjetà f’diversi oqsma, "minn dak sportiv għal dawk soċjali u politiċi." 

Temm jgħid li "m’hemmx dubju li fil-Parlament se nħossu t-telfa tiegħu."

'Minn Robert dejjem tgħallimt li qatt m'għandek taqta qalbek' 

"Raġel li emmen fija mill-ewwel ġurnata." Hekk qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola bħala rikonoxximent tal-ħidma ta' Arrigo. Hija fakkret fl-ewwel attivita politika tagħha fl-2004 meta kellha biss 25 sena u kif Arrigo kien hemm magħha.

"Xahar wara xahar, flimkien iltqajna ma’ mijiet ta’ familji f’Tas-Sliema, l-Gżira, l-Imsida u postijiet oħra. Triq triq, bi tbissima, b’ċajta ‘l hemm u ‘l hawn, b’ottimiżmu," żiedet Metsola. 

More in Politika