'Il-mozzjoni li ressqu l-MEPs fuq is-salta tad-dritt hi żball u arma politika kontra l-Gvern Malti'' - Alfred Sant

L-MEPs huma allarmati fuq in-nuqqas ta' prosekuzzjoni ta' persuni akkużati b'ħasil tal-flus u korruzzjoni f'Malta

F'għeluq il-ħames snin mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Membri Ewroparlamentari (MEPs) fi Strasburgu għaddew mozzjoni biex tibda diskussjoni fuq is-saltna tad-dritt f'Malta kif ukoll fuq l-aħħar riformi tal-midja. Din il-mozzjoni indirizzat l-investigazzjonijiet tal-qtil ta' Caruana Galizia, in-nuqqas ta' prosekuzzjoni fuq il-politiċi taħt l-amministrazzjoni ta' Muscat, il-bank Pilatus kif ukoll l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. 

Minkejja dan l-MEP Alfred Sant ddeskriva d-dibattituli se jsir aktar tard illum, ibbażat fuq din il-mozzjoni, bħala "żball" min-naħa tal-MEPs, filwaqt li saħaq li din il-mozzjoni serviet bħala arma politika biex jiddiskreditaw il-Gvern ta' Malta.

L-MEPs fakkru l-memorja tal-ġurnalista filwaqt li rrikonoxxu l-aħħar żviluppi tal-każ pendenti fil-Qrati ta' Malta. Dan bil-għan li jitfgħu aktar pressjoni biex il-każ ta' Caruana Galizia jiġi konkluż malajr kemm jista' jkun. 

Filwaqt li l-MEPs jirrikonoxxu li l-Prim Ministru Robert Abela skuża ruħu b'mod pubbliku għan-nuqqasijiet tal-istat li wasslu għall-qtil tal-ġurnalista, jinsabu mħassma fuq l-implimentazzjoni tar-rekomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Waqt din il-mozzjoni l-MEPs saħqu wkoll li jinsabu ixxukkjati fuq in-nuqqas ta' progess fir-rigward ta' prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus u korruzzjoni, li Caruana Galizia kienet qed tinvestiga meta inqatlet. 

Talbu wkoll biex itejjbu r-riforma tal-midja u l-protezzjoni tal-ġurnalisti biex ikun żgurat li tilħaq l-istandards Ewropej u Internazzjonali. 

Fl-aħħar l-Membri Ewroparlamentari saħqu li huma "allarmati bil-falliment istituzzjonali tal-infurzar legali u l-ġustizzja f'Malta." 

More in Politika