37,000 familja se jibbenefikaw mit-tieni mekkaniżmu tal-COLA li se jgħin lil dawk bl-inqas dħul

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana tenna li l-mekkaniżmu mhux se jieħu post il-COLA u se jkun qed jgħin l-aktar lill-pensjonanti, lil dawk vulnerabbli u anke dawk il-persuni li qegħdin fuq il-benefiċċji soċjali

Il-Ministru Clyde Caruana
Il-Ministru Clyde Caruana

Madwar 37,000 familja se jkunu qed jibbenefikaw minn mekkaniżmu ġdid li se jkun qed jiddaħħal fil-Baġit ta’ din is-sena, bil-għan li jgħin lil dawk il-persuni li jaqilgħu l-inqas. Dan il-mekkaniżmu mhux se jkun qed jieħu post il-COLA u għalhekk se jkun qed jitħaddem indipendentament.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu se jkun li jgħin l-aktar lill-pensjonanti, lil dawk vulnerabbli u anke dawk il-persuni li qegħdin fuq il-benefiċċji soċjali.

Aqra aktar: Dawk li jaqilgħu l-inqas se jingħataw kumpens addizzjonali biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja​

Mistoqsi biex jagħti aktar dettalji ta’ kif se jkun qed jaħdem dan il-mekkaniżmu, Caruana qal li d-dettalji se jkun qiegħed jispjegahom fid-dikors tal-Baġit ta’ nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru.

Madanakollu insista li li dan il-mekkaniżmu mhux se jieħu post il-COLA. Dan ifisser li min se jibbenefika minn dan il-mekkaniżmu l-ġdid, se jkun qed jieħu wkoll iż-żieda li tingħata meta jitħaddem il-mekkaniżmu tradizzjonali li jikkalkula kemm għandha tkun iż-żieda tal-għoli tal-ħajja skont l-indiċi tal-prezzijiet.

77% tal-miżuri tal-Baġit ġew implimentati

Intant, is-Segretarju Permanenti Prinċipali, Tony Sultana ta’ d-dettalji tal-ħidma li saret biex ikun implimentat l-aħħar Baġit.

Qal li fl-aħħar sena ġew implimentati 324 miżura. Dan ifisser li ġew implimentati 77% tal-miżuri.

Spjega kif dan il-persantaġġ huwa għola mill-medja tal-aħħar seba’ snin u dan meta tqis li din is-sena kien hemm elezzjoni ġenerali u għalhekk kien hemm bidla fil-ministeri u anke r-responsabbilitajiet tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru qal kif minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi globali, l-ekonomija Maltija xorta waħda se tkun qed tikber “mhux bi ftit” matul is-sena d-dieħla.

More in Politika