F'ġurnata normali tax-xogħol 5% biss tal-vjaġġi li jagħmlu l-Maltin ikunu b'tal-linja

Sondaġġ tal-NSO juri kif l-akbar raġuni għaliex il-Maltin jitratenu biex jaqbdu l-karozza tal-linja hija n-nuqqas ta' puntwalità filwaqt li l-Għawdxin jaħsbu li tal-linja ddum wisq biex tasal sad-destinazzjoni

F'ġurnata normali tax-xogħol, 5.2% biss tal-vjaġġi li jagħmlu l-Maltin ikunu b'tal-linja. Fil-fatt, kemm biex imorru x-xogħol, immorru jixtru jew iwasslu lit-tfal l-iskola, il-Maltin għadhom jiddependu wisq mill-karozza privata.

Dan ħareġ illum minn sondaġġ ippubblikat illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Li għamel dan is-sondaġġ huwa li qabad ġurnata waħda partikolari, jiġifieri s-17 ta' Novembru 2021 u staqsa lill-parteċipanti dwar il-vjaġġi tagħhom dakinhar.

B'kollox 255,232 persuna (li għandhom aktar minn 14-il sena) ivjaġġaw dakinhar tant li b'kollox saru xejn inqas minn 638,456 vjaġġ, bil-maġġoranza tal-vjaġi jsiru bejn is-6:00am u d-9:00am.

Fil-fatt, f'dawk it-tliet sigħat, kienu diġà saru 218,360 vjaġġ. Mhux ta' b'xejn it-traffiku f'dawk il-ħinijiet.

Il-maġġoranza tal-persuni vvjaġġaw biex imorru x-xogħol. 42.2% tal-vjaġġi kienu għal dan il-għan. 11.6% tal-vjaġġi saru minn persuni li riedu jwasslu lit-tfal l-iskola jew inkella għal raġunijiet oħra edukattivi, filwaqt li 9.3% vvjaġġar biex imorru jagħmlu xi qadjiet u jixtru.

Minn 255,200 persuna li vvjaġġaw, 20,400 biss użaw tal-linja 

Il-karozza privata kienet, bla dubju, l-għażla ewlenija tal-Maltin. 84.3% tal-vjaġġi saru bl-użu tal-karozza privata u kienu 5.2% tal-vjaġġi li saru b'tal-linja. Interessanti, kif anke l-mixi kien aktar popolari mill-użu tal-karozza tal-linja.

Jekk wieħed imur lilhinn mill-persentaġġi, dan kollu juru li minn total ta' 255,232 persuna li vvjaġġaw fis-17 ta' Novembru 2021, 220,532 persuna għażlu l-karozza privata filwaqt li kienu 20,465 persuna biss li qabdu l-karozza tal-linja.

Minn dawk li użaw tal-linja, 51.2% kienu nisa, filwaqt li 40.5% kellhom bejn 15 u 24 sena, jiġifieri wħud minnhom forsi ma kellhomx għażla oħra għax ma jsuqux. 

Għaliex tal-linja tibqa' mhux popolari?

Is-sondaġġ staqsa lill-parteċipanti għaliex ma jużawx aktar ta' spiss il-karozza tal-linja, bil-maġġoranza ta' dawk li wieġbu s-sondaġġ jisħqu li l-fatt li t-trasport pubbliku ma jkunx daqshekk puntwali, ma tantx jgħin. Din kienet ir-raġuni ewlenija li l-aktar issemmiet mill-parteċipanti kollha, ġejjin minn fejn ġejjin.

L-Għawdxin, mill-banda l-oħra, ilmentaw l-aktar għax fi kliemhom, il-karozza tal-linja ddum wisq biex tasal sad-destinazzjoni.

More in Politika