Qtil Daphne | 'Mingħajr id-deċiżjonijiet li ħadt f'dawk il-jiem kruċjali qatt ma konna naslu hawn'

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien akkużat illi mexxa Gvern li wassal għall-impunità li ffaċilitat l-assassinju ta' Caruana Galizia jwieġeb il-mistoqsijiet tal-illum.com.mt f'għeluq il-ħames sena minn meta inqatlet il-ġurnalista

L-eks PM Joseph Muscat
L-eks PM Joseph Muscat

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma weġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar jekk iħossx li seta' naqas jew ħa passi oħrajn li ma ħax ħames snin ilu wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia - meta hu kien fil-kariga -  iżda saħaq illi kieku hu ried jaħbi ma kienx jieħu l-passi li qal illi ħa fl-ewwel jiem minn wara l-assassinju. 

Filwaqt li rrifjuta li jidentifika xi forma ta' nuqqas, huwa sostna illi kieku ma ħax id-deċiżjonijiet li ħa fil-jiem wara li nqatlet il-ġurnalista, "ma konna qatt naslu sa hawn." 

"Kieku ridt naħbi, kont nimxi mod ieħor," qal Muscat għall-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta hekk kif illum jaħbat il-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Għall-mistoqsija tal-gazzetta dwar jekk iħossx li naqas jew kien hemm passi li seta' jieħu imma li ma ħax wara dan l-assassinju - speċjalment fid-dawl tal-kritika lejh li kienet "l-impunità li ħoloq il-Gvern tiegħu" li ppermettiet illi Caruana Galizia tinqatel - huwa ma weġibx. Iżda sostna illi wara l-iżviluppi tal-aħħar sigħat huma n-nies li se jiġġudikaw għemilu bħala Prim Ministru. 

"In-nies issa tista' tiġġudika aħjar għemili f'dawk il-jiem kruċjali u jekk ħadtx l-aħjar deċiżjonijiet li mingħajrhom qatt ma konna naslu hawn," sostna l-eks Prim Ministru. 

Mistoqsi jekk jemminx li ser issir ġustizzja sħiħa fiż-żmien li ġej, kompla jgħid mal-ILLUM illi min qatel lil Daphne Caruana Galizia ta "daqqa enormi lill-Gvern u lil pajjiżna" u qal ukoll illi dakinhar huwa kien ixxukkjat "iżda riżolut li ma nagħmilx bħal ta' qabli, inparla biss u ma nwettaqx." 

Muscat temm jgħid illi huwa kien kommess li ssir ġustizzja "u tfajt ir-riżorsi kollha tal-pajjiż u tlabt l-aktar għajnuna avvanzata internazzjonali biex dan isir.  Kieku ridt naħbi, kont nimxi mod ieħor."

Huwa temm itennu illi hu ħallas il-prezz politiku "u l-ġudizzju fuq hekk tagħmlu l-istorja." 

 X'qalet l-inkjesta pubblika dwar ir-responsabilità ta' Muscat? 

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta' "qarnita ta' impunità" li jgħid illi kellha ċ-ċentru tagħha fi qrubija u ħbiberija żejda bejn il-poter u n-negozju, liema qawwiet ġew flimkien biex jinnewtralizzaw lil Daphne Caruana Galizia, jgħid mill-ġdid ir-rapport. 

Ir-rapport jikkonkludi li l-Istat għandu ħtija għaliex ħalla kultura ta' impunità u kollass tas-saltna tad-dritt li għamluha aktar faċli biex tinqatel il-ġurnalista u biex - skont ir-rapport - min iwettaq ir-reat iħossu sikur. 

L-Imħallfin kienu skjaċċanti fil-kritika tagħhom dwar il-politika 'pro business' għax qalu li din tajba sakemm ma ssirx għas-skapitù ta' governanza tajba.  Il-Bord jispjega li kellu "provi abbundanti" dwar dawk li jsejjaħ "intriċċi u kunfidenza żejda" bejn uffiċjali pubbliċi u negozjanti kbar u sostna li din il-qrubija kienet fattur determinanti biex il-parti l-kbira tal-proġetti l-kbar realizzati fil-perjodu rilevanti "jispiċċaw taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali u Inkjesti Magisterjali, fost oħrajn. Investigazzjonijiet li jikkonfermaw li kien hemm irregolaritajiet kbar sal-punt li ġiet prospettata l-possibilita’ li f’uħud minnhom il-proċess kollu seta’ kien vizzjat."

Il-Bord ta' Inkjesta magħmul mill-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro - sostna li bosta drabi l-proċeduri ta' proġetti kienu għal fuq il-karta biss u sabiex min ikun involut jasal għall-iskopjijiet tiegħu. 

"Ir-realta’ hi illi parti minn negozju l-kbir, mhux sorprendentement, ħataf l-okkażżjoni biex ikun jista’ jopera u jwettaq il-proġetti tiegħu bl-inqas xkiel amministrattiv u b’manipulazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi fl-ogħla gradi li magħhom ħolqu rabtiet ta’ interess komuni," sostna il-Bord fil-konkużjonijiet tiegħu. 

Jisħaq illi l-poter u n-negozju ħolqu żewġ forzi li riedu kemm setgħu jinnewtralizzaw lil ġurnalista li kienet qed tikxef din l-istess relazzjoni. 
Keith, Konrad u Muscat u 'l-Kultura ta' Impunità'

Dawn il-konklużjonijiet jisħqu li l-fatt li Muscat żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u ddefendihom, anke meta bdew ħerġin fatti u stejjer dwar 17 Black wassal biex il-kultura tal-impunità li jgħid illi wasslet biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kompliet tiżdied. 

"Dawn id-deċizjonijiet tal-eks Prim Ministru flimkien mal-fiduċja espressa mill-Parlament, fil-fehma tal-Bord, saħħew il-kultura ta’ impunita’ li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia. Impunita’ li straħu fuqha l-elementi ta’ kriminalita’ organiżżata, kienu min kienu, u li ċertament iffaċilitat l-assassinju."

More in Politika