'Issa nistennew li jkunu identifikati l-politiċi li setgħu kienu involuti fil-qtil ta' Daphne u l-hold up tal-HSBC'

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo saħaq illi l-pulizija għandħa teżamina mill-ġdid dak li sejjaħ 'possibli involviment ta' Chris Cardona u Carmelo Abela' fil-każ tal-hold up fl-2010

Il-Konferenza tal-ADPD dalgħodu
Il-Konferenza tal-ADPD dalgħodu

Ic-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo sostna li wara l-iżviluppi drammatiċi tal-bieraħ "issa nistennew li jkunu identifikati l-politiċi li setgħu kienu involuti kemm fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll fl-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC f’Ħal-Qormi."

Cacopardo sostna li wara dak li seħħ ilbieraħ l-ADPD qed tistenna li, "l-Pulizija teżamina l-possibbli involviment tal-eks Ministri Chris Cardona u Carmelo Abela mill-ġdid biex forsi jingħalaq kapitlu ikrah fl-istorja ta’ Malta."

L-aħwa Degiorgio kien qalu - meta kienu talbu li jingħataw il-Maħfra Presidenzjali - illi kien hemm żewġ politiċi involuti f'attentat hold up tal-HSBC f'Ħal Qormi, eks Ministru u Ministru li (għallinqas sa qabel l-aħħar elezzjoni) kien Membru tal-Kabinett. Minkejja li Cardona kien indikat, bl-eks Deputat Jason Azzopardi jgħid li dan kien arrestat fil-lejl tas-serqa, Cardona ċaħad u fakkar li l-pulizija mmexxija mill-eks Kummissarju John Rizzo dak iż-żmien, qatt ma ħadu azzjoni kontrih. Minkejja li l-eks Ministru Abela kien jaħdem il-bank dak iż-żmien huwa ċaħad b'qawwa kull akkuża jew implikazzjoni li kien hu t-tieni Ministru involut u kien saħansitra fetaħ libell kontra kitba ta' Jason Azzopardi, li fiha dan implika - imma qatt ma qal direttament - li Abela huwa fil-fatt it-tieni politiku. 

Kif setgħet issir ġustizzja fil-ħin meta d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju nstab li kellu rabta mill-qrib ma’ Yorgen Fenech, implikat fl-istess assassinju? Sandra Gauci

Sandra Gauci, Deputat Chairperson ta’ ADPD qalet li fil-ħames anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, "ninsabu kważi fl-istess punt li konna fil-bidu, b’ġustizzja miexja b’pass ta’ nemla." Gauci qalet li l-fama mad-dinja kollha hi li f’Malta mhux biss ġiet assassinata ġurnalista b’mod brutali u li allegatament hemm l-involviment ta’ nies qrib il-politika iżda wkoll - skont hi - li wara ħames snin għadha ma seħħitx ġustizzja. "Il-ġuri ta’ uħud minn dawk involuti beda lbieraħ, wara kważi ħames snin," fakkret f'referenza għall-ġuri, li fil-fatt beda u spiċċa lbieraħ bl-aħwa Alfred u George Degiorgio jammettu l-ħtija u jingħataw piena ta' 40 sena priġunerija. 

"M’hemmx għalfejn nistagħġbu bid-dewmien meta illum nafu li l-istituzzjonijiet huma kompromessi bir-relazzjonijiet mill-qrib ma’ dawk li l-interess tagħhom hu li l-ġustizzja ma sseħħx. Kif setgħet issir ġustizzja fil-ħin meta d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju nstab li kellu rabta mill-qrib ma’ Yorgen Fenech, implikat fl-istess assassinju?" kompliet tistaqsi rettorikament Sandra Gauci. Hi fakkret ukoll li f'dawn l-aħħar xhur smajna kif dawk akkużati kienu jkunu jafu minn qabel b’kull mossa tal-Pulizija, "saħansitra kienu jafu bil-jum tagħhom tal-arrest! Il-każ mexa ‘l quddiem primarjament minħabba l-involviment tal-FBI u l-Europol," insistiet id-Deputat Chairperson ta’ ADPD

Hija kompliet tgħid li dak li ħareġ mill-qrati minn dakinhar tal-assassinju sal-lum "juri biċ-ċar kif l-istat falla li jassigura li Daphne tibqa’ tagħmel xogħolha. Ix-xhieda li nstemgħet s’issa hi ċertifikat ta’ kif l-istituzzjonijiet ġew maħkuma biex iservu lill-kriminali minflok biex iħarsu liċ-ċittadin," temmet tgħid Sandra Gauci.

Intant waqt il-konferenza - li saret il-Belt Valletta quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir li f'ħoġru hemm mafkar għal Daphne Caruana Galizia  - Cacopardo saħaq illi f’dan il-ħames anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa xieraq li l-poplu jirrealizza dejjem aktar illi l-ġurnaliżmu b’saħħtu u li ma jibżax hu essenzjali għal demokrazija b’saħħitha. "Fir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan l-assassinju, rapport li l-awtoritajiet kontinwament jippruvaw inessu, hemm kapitlu sħiħ intitolat ‘il-valur tal-ġurnaliżmu investigattiv f’soċjetà demokratika’, li jemfasizza propju dan il-punt."

Huwa fakkar ukoll li għall-ġurnaliżmu investigattiv xejn ma hu sagru u għalhekk huwa "għodda indispensabbli biex inżommu f’kontabilità ta’ għemilhom mhux biss lill-awtoritajiet politiċi imma ukoll lil dawk ekonomiċi u reliġjużi."

 

More in Politika