Irrestawrat u rranġat 'minn fuq sa isfel': Lest il-Proġett tal-Ġnien tal-Mall

Dan il-proġett fil-Furjana sewa b'kollox €4 miljuni

Il-Ġnien tal-Mall
Il-Ġnien tal-Mall

Il-proġett tal-ġnien tal-Mall fil-Furjana b’investiment ta’ €4 miljun, li twettaq b’ħidma mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC), tlesta wara ħidma intensiva fuqu fl-aħħar xhur. Il-proġett jinkludi: Bini mill-ġdid tas-servizzi kollha meħtieġa li ġew mgħoddija taħt l-art, bħal dawl, ilma u internet, Tranġar ta’ żewġ ġwiebi taħt il-ġnien, 7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid tal-ġnien kollu u madwar 2,000 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid tal-bankina mad-dawra tal-ġnien;

Sar ukoll restawr tal-arkati fid-daħla tal-ġnien, restawr tal-monumenti kollha fil-ġnien u bini mill-ġdid tal-funtana inkluż l-iskultura li kollha kemm hi saret mill-ġdid, fost oħrajn. 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi, fil-preżenza tas-Sindku tal-Furjana Vince Borg. 

“Dan mhux ġnien komuni. Il-ġnien tal-Mall huwa ġnien storiku. Ġnien li ilu jeżisti mijiet ta’ snin, li minn żmien il-Kavallieri u tul is-snin dejjem kien fiċ-ċentru tal-attivitajiet u avvenimenti storiċi li seħħew f’din iż-żona tal-pajjiż. Huwa għalhekk li l-Gvern deherlu li kellu jinvesti f’dan il-proġett li permezz tiegħu l-Ġnien tal-Mall qed jingħata mill-ġdid id-dinjità li jistħoqqlu,” qal il-Ministru Farrugia. 

“Smajna wkoll lill-Kunsill Lokali u lill-Furjaniżi, li għalihom dan il-ġnien huwa ikona tal-lokalità. Fost oħrajn irrimarkaw in-nuqqas ta’ sigurtà għalihom f’dan il-ġnien, b’mod partikolari matul il-lejl. Smajna lil dawk esperti fir-restawr, li rrimarkaw il-ħtieġa li l-funtani, l-monumenti u l-ħitan jiġu restawrati. Fuq kollox ridna nkomplu nwettqu proġetti ta’ żoni maħsuba u miftuħa għall-pubbliku. Fuq kollox inħarsu ’l quddiem biex naraw dan il-ġnien jitgawda minn kulħadd filwaqt li jinżamm fi stat li jixraqlu,” qal il-Ministru. Żied jgħid li mill-lum il-proġett se jgħaddi għand Ambjent Malta għaż-żamma tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li bħala entità qed tħares ’l quddiem biex tkomplu żżid proġetti oħra f’diversi lokalitajiet li l-GHRC qed twettaq b’konformità mal-linja tal-gvern: Dik li jiżdiedu żoni pubbliċi.

More in Politika