Il-President ta' Team Start u Membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Jordan Galea Pace dalgħodu rreżenja mill-Partit Nazzjonalista u indirizza lil Daphne Caruana Galizia f'għeluq il-ħames anniversarju mill-qtil tagħha u qallha li "s-sitwazzjoni kienet ta' disprament u issa hija aktar."
Galea Pace sostna f'messaġġ fuq Facebook dalgħodu illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mhux qed jitħalla jaħdem "meta għandu deputati u membri fit-tim tiegħu stess li qed joħolqu tfixkil sabiex jakkwistaw il-poter. Issa nista' ngħid li verament nifhmu," qal Galea Pace. Huwa faħħar lil Grech u qal illi dan dejjem kien jilqa' lin-nies - inkluż lilu - minkejja ritratti ta' membri tal-familja tiegħu iqattgħu t-tessera. "Ħares lilhinn minn dan u tani spazju fejn naħdem u inkludieni fit-tim tiegħu wkoll."
Huwa sostna li "Bernard Grech għandu intenzjonijiet tajbin, imma kulħadd qed jipprova jkissru."
Huwa temm billi għamilha ċara li dan huwa kapitlu magħluq għalih u li dan qed jagħmlu filwaqt li hu se jżomm sod mal-prinċipji tiegħu u mhux għax ingħata xi direct order jew position of trust.