L-Għaqda Storja Kulturali Birżebbuġa kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex jirtira b’mod uffiċjali l-pjan ta’ żvilupp ta’ mitjar għall-ajruplani mudelli f’sit f’Wied Żnuber.
Fi stqarrija, l-Għaqda qed tappella lill-Prim Ministru biex iżomm mal-wiegħda elettorali u jsalva l-aħħar partijiet mill-inħawi ta’ Wied Żnuber minn kull forma ta’ żvilupp.
Qalu li huma kitbu formalment lill-Prim Ministru wara li diversi ittri miktuba fl-24 ta’ Frar, 11 ta’ Marzu u fl-10 ta’ Mejju baqgħu mhux imwieġba.
Ir-raġunijiet għaliex qed jagħmlu din it-talba huma dawn:
- Is-sit indikat jinsab kollu f’Wied Żuber fil-limiti ta’ Ħal Far, eżatt maġenb sit ta’ Natura 2000 fuq porzjon ta’ art ta’ importantza ekoloġika u arkeoloġika kbira;
- Għad li s-sit jaqa’ taħt l-aġenzija pubblika ‘Indis Malta Ltd.,’ biss dan is-sit bl-ebda mod ma hu ‘sit disturbat’ kif b’mod qarrieq ġie rrapurtat. Għall-kuntrarju dan is-sit għadu fi stat naturali u jikkonsisti minn raba’ maħdum u xagħri;
- Ma saret l-ebda forma ta’ konsultazzjoni fuq dan il-proġett fuq art pubblika, kemm mal-pubbliku kif ukoll ma’ entitajiet oħra interessati;
- Ma sar l-ebda studju dwar l-impatt abjentali (EIA) ta’ dan il-proġett qabel ma ġie ffirmat il-ftehim;
- Dan is-sit kien ġie priservat mill-Ingliżi minħabba l-importanza arkeoloġika u ekoloġika tiegħu, biss fis-snin riċenti, kien ġie inkluż maż-żona industrijali ta’ Ħal Far.
- Kien hemm diversi tentattivi sabiex dan is-sit jiġi żviluppat u li l-ebda żvilupp ma mmaterjalizza ruħu, bl-istess mod dan il-proġett qerriedi għandu jiġi rtirat;
- L-attività tat-titjir tal-ajruplani maġenb jew fuq sit ta’ Natura 2000 imur kontra kull prinċipju li għalihom dawn is-siti naturali ġew stabbiliti skont id-direttiva 92/433/EEC tal-UE;
- Is-sit inkwistjoni m’għandux jibqa’ jifforma parti miż-żona industrijali u kif imwiegħed għandu jiġi ddikjarat ODZ bil-għan li jibqa’ jservi bħala buffer zone bejn ż-żona industrijali u Natura 2000;
- Dan is-sit għandu jibqa’ miftuħ għall-pubbliku inġenerali sabiex l-aħħar parti naturali li fadal fl-inħawi tibqa’ gawduta mill-Maltin kollha;
- Nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu f’Birżebbuġa stess, il-Prim Ministru elenka b’mod car li l-ebda żvilupp m’hu se jsir f’Wied Żnuber kif ukoll li d-dawra tal-qiegħa tal-wied issir ODZ.
Fl-istess stqarrija, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa qalet li għandha rispett lejn il-‘Ħal Far Model Flying Association’ u għalhekk qed titlob sabiex dan il-proġett mhux biss jiġi rtirat imma rilokat f’sit ieħor bil-għan li dan id-delizzju jkun jista’ jibqa’ jiġi prattikat.
"Fl-aħħar, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa tħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex f’dan il-każ tingħata importanza lejn il-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu minflokk xi intenzjonijiet ulterjuri oħra li jistgħu jeżistu b’riperkussjonijiet irriversibbli għad-detriment tal-ambjent naturali ta’ Malta," temmet tgħid l-istqarrija.
Aqra aktar fuq: