Taparsi razzett fil-Wied tal-Ħżejjen jinbidel f'lukanda; 'Għandu jiġġarraf,' jgħidu Graffitti

Graffitti jisħqu li dan l-iżvilupp ħarbet wied fil-Bidnija li kien għadu mhux minsus mill-bini u jinsistu li min kien responsabbli għall-ħruġ tal-ewwel permess għandu jiġi investigat

Ritratt ta' The Times of Malta meħud minn Chris Sant Fournier
Ritratt ta' The Times of Malta meħud minn Chris Sant Fournier

Il-Moviment Graffitti qed jitlob li tiġġarraf immedjatament l-istruttura, “taparsi razzett tan-nagħaġ,” fil-Wied tal-Ħżejjen fil-Bidnija, wied li sa issa kien għadu ma ntlaqatx mill-kostruzzjoni. 

Fi sqarrija, Graffitti qed jisħqu li l-iżviluppatur konċernat għandu jġorr l-ispejjeż tax-xogħol biex is-sit jitreġġa’ lura għall-istat naturali tiegħu.

Spjega kif minn mindu ġiet approvata l-ewwel applikazzjoni tal-ippjanar (PA/07946/18) fuq dan is-sit, fl-2019, bosta organizzazzjonijiet ambjentali, mezzi tax-xandir u l-pubbliku, ġibdu attenzjoni għall-fatt li bdiet tinbena struttura massiva f'nofs żona kompletament rurali u ODŻ li tiġbor fiha wkoll ħabitats tal-ilma ħelu ta’ valur ekoloġiku kbir. 

L-istruttura, li tikkonsisti f’żewġ sulari, f’partijiet miftuħa fejn jistgħu jintlaqgħu n-nies u pixxina fuq il-bejt, ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar bl-iskuża li hija “razzett tan-nagħaġ.”

Qalu li issa li għaddew tliet snin mill-ħruġ tal-ewwel permess, il-gidba tar-razzett tan-nagħaġ ħarġet bla skrupli fid-deher. Fil-fatt ġiet ippreżentata t-tieni applikazzjoni għal żvilupp fuq is-sit. Din l-applikazzjoni qed titlob li l-istruttura tinbidel f’binja bil-kmamar li jistgħu jilqgħu n-nies, jiġifieri lukanda. 

“B’hekk ħareġ fil-beraħ dak kollu li ilna nafuh, li dan huwa proġett kummerċjali li jinvolvi l-miljuni u huwa maħsub biex jieħu l-kontroll assolut ta’ biċċa art rurali mastizza u ODŻ għall-qerda tagħha f’isem il-profitti,” qalu l-attivisti.

Il-Moviment Graffitti ressaq talba għall-infurzar quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fejn jitlob li jiġġarraf ir-razett tan-nagħaġ “finta” u li b’konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess, l-iżviluppatur konċernat iġorr l-ispejjeż tax-xogħol biex is-sit jitreġġa’ lura għall-istat naturali tiegħu.

“L-użu tal-qerq u l-gideb sabiex jinħareġ permess biex tinqered għall-profitt żona ekoloġikament sensittiva huwa reat ambjentali tal-ogħla grad. Dawk kollha li huma responsabbli mill-ħruġ tal-ewwel permess, minn żviluppaturi sa awtoritajiet u bordijiet għandhom jiġu investigati bil-għan li ssir ġustizzja għar-reati li wettqu,” komplew l-attivisti.

Qal li kulħadd kien jaf li dan mhuwiex razzett tan-nagħaġ. Impossibbli li dawk li evalwaw din l-applikazzjoni m’għarfux dal-fatt ovvju wkoll. 

“Il-gidba tar-razzett tan-nagħaġ li ħarbat wied fil-Bidnija hija simbolu tar-reġim maħmuġ tal-ippjanar li ħa l-kontroll ta’ Malta. Is-sistema attwali tal-ippjanar, bil-politiki falluti tagħha u l-farsa ta’ awtoritajiet li ħakmuha, hija s-sors ewlieni tal-qerda tal-ambjent naturali u urban tagħna. Meħtieġa tindifa radikali tas-sistema sħiħa tal-ippjanar tal-pajjiż għax ser nitilfu anke li fadal,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika