Il-mekkaniżmu tal-ġeneru għandu jibqa
Il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru jinsab mill-ġdid fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku. Dan il-ġurnal tkellem ma’ eks politiċi, akkademiċi u attivisti dwar jekk il-miżura hix qed tindirizza inġustizzja storika jew jekk għadx hemm dubji dwar l-effett tagħha fuq il-mertu u l-ugwaljanza
minn Jaelle Borg
F’dinja ideali, il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru ma jkunx meħtieġ. Dan kien wieħed mill-ftit punti li fuqhom qablu kważi unanimament is-sitt nisa li tkellmet magħhom din il-gazzetta dwar il-futur tal-mekkaniżmu u l-irwol tiegħu fil-politika Maltija. Imma xorta waħda qablu li sakemm ma jinbidlux l-affarijiet dan il-mekkaniżmu għandu jibqa’ fis-seħħ.
Minkejja li ġejjin minn sfondi differenti – minn eks politiċi u eks Membri Parlamentari Ewropej sa akkademiċi, attivisti u ġurnalisti – il-maġġoranza tagħhom qalu li għalkemm il-mekkaniżmu mhuwiex soluzzjoni ideali jew permanenti, għadu meħtieġ biex jindirizza n-nuqqas storiku ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament.
Il-kummenti tagħhom jaslu fi żmien meta l-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru reġa’ sab ruħu fiċ-ċentru tad-diskussjoni politika hekk kif wara l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista, mistennija nhar it-Tlieta li ġej, ikun jista’ jiġi stabbilit jekk għandux jerġa’ jidħol fis-seħħ.
Qabel ma daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu, Malta kienet għal snin twal fost il-pajjiżi Ewropej bl-inqas rappreżentanza femminili fil-Parlament. Ir-riforma kostituzzjonali li daħlet fis-seħħ fl-2021 kellha l-għan li tindirizza din ir-realtà billi toħloq sistema li żżid siġġijiet għall-ġeneru sottorappreżentat wara li jitlestew l-elezzjoni ġenerali u l-elezzjonijiet każwali kollha.
Helena Dalli: “L-idea bdiet minn diskussjonijiet ma’ Dom Mintoff fis-snin disgħin”
Fost l-aktar kummenti interessanti kien hemm dak tal-Eks Kummissarju Ewropea Helena Dalli, li żvelat kif il-kunċett wara l-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru kien ilu jiġi diskuss għal għexieren ta’ snin.
Dalli qalet li sa mis-snin disgħin kienet tqatta’ ħafna ħin tiddiskuti ma’ Dom Mintoff ir-realtà ta’ Parlament b’numru limitat ħafna ta’ nisa u kif setgħet tinstab soluzzjoni li żżid ir-rappreżentanza tagħhom mingħajr ma toħloq inġustizzja lejn ħaddieħor.
“Niftakar darba qabad karta u lapes u qalli ejja naraw kif l-aħjar jinħoloq mekkaniżmu li jżid il-preżenza tan-nisa fil-Parlament mingħajr ma joħloq sens ta’ inġustizzja lejn ħaddieħor,” irrakkontat Dalli.
Skontha, Mintoff kien jinsisti li l-mekkaniżmu ma kellu qatt ineħħi siġġijiet jew voti mingħand kandidati eletti. Dan wassal għall-prinċipju li għadu jeżisti sal-lum, jiġifieri li l-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ biss wara li jitlestew l-elezzjoni u l-elezzjonijiet każwali kollha.
Dalli ddeskriviet il-mekkaniżmu bħala “necessary evil”, filwaqt li qalet li għalkemm f’dinja ideali ma jkunx hemm bżonnu, huwa meħtieġ biex jindirizza żbilanċ li ilu jeżisti għal għexieren ta’ snin.
Dwar il-kritika li l-mekkaniżmu jnaqqas il-valur tal-mertu, Dalli kienet kategorika li dan mhux il-każ. Hija rrimarkat li l-mekkaniżmu ma jagħtix siġġijiet lil persuni li ma jkunux għaddew mill-ġudizzju tal-elettorat, peress li dawk li jistgħu jibbenefikaw minnu jkunu kollha kandidati li jkunu kkontestaw elezzjoni.
. Laura Calleja: “Ir-riżultati qed juru li l-mekkaniżmu qed jaħdem”
Il-ġurnalista Laura Calleja qalet li temmen li l-mekkaniżmu huwa meħtieġ biex tiġi stabbilita aktar ugwaljanza fil-Parlament.
Skontha, ir-riżultati li qed naraw illum juru li s-sistema qed taħdem, hekk kif aktar nisa qed jirnexxilhom jiksbu appoġġ elettorali u jiġu eletti fuq il-merti tagħhom stess. Hija sostniet li l-mekkaniżmu qed jagħti opportunità biex il-pubbliku jara x’jistgħu jagħmlu n-nisa fil-politika.
Dwar il-kritika li jagħti preferenza fejn m’hemmx mertu, Calleja qalet li temmen fil-prinċipju tal-“positive discrimination”, filwaqt li argumentat li għal snin twal in-nisa kienu fi żvantaġġ u li l-mekkaniżmu qed jikkoreġi inġustizzja storika aktar milli joħloq waħda ġdida.
Claudette Abela Baldacchino: “Il-mekkaniżmu mhuwiex l-għan aħħari”
L-Eks Membru Parlamentari Ewropew Claudette Abela Baldacchino qalet li l-mekkaniżmu jista’ jgħin biex il-preżenza tan-nisa fil-politika ssir aktar naturali fis-snin li ġejjin.
Hija sostniet li aktar rappreżentanza femminili tfisser ukoll perspettivi aktar diversi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u rrimarkat li l-aħħar leġiżlatura diġà wriet kif il-mekkaniżmu jista’ jagħti riżultati konkreti.
“Dejjem emmint li l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għandha tirrifletti s-soċjetà kollha tagħna,” qalet.
Filwaqt li enfasizzat li l-mekkaniżmu mhuwiex soluzzjoni permanenti, hija ddeskrivietu bħala għodda temporanja meħtieġa biex jingħelbu ostakli storiċi. Dwar il-mertu, hija qalet li dawk li jibbenefikaw minnu jkunu kandidati li diġà ressqu isimhom għall-ġudizzju tal-elettorat.
Anna Borg: “Xi ħaġa kellha ssir biex jinkiser ċiklu li kien ilu snin”
L-akkademika Anna Borg qalet li għalkemm idealment mekkaniżmu bħal dan ma jkunx meħtieġ, il-politika Maltija għal ħafna snin kienet iddominata kważi kompletament mill-irġiel.
Skontha, il-mekkaniżmu għen biex aktar nisa jidħlu fil-Parlament, jibnu profil pubbliku u jsiru aktar magħrufa mal-elettorat, fatt li jista’ jżid iċ-ċansijiet tagħhom f’elezzjonijiet futuri.
Borg qalet li l-ewwel snin tal-mekkaniżmu diġà qed juru riżultati, filwaqt li l-preżenza ta’ aktar nisa fil-Parlament tista’ toħloq role models ġodda għal ġenerazzjonijiet futuri.
Dwar il-kritika relatata mal-mertu, hija sostniet li bħalma hemm kandidati rġiel ta’ kapaċitajiet differenti, l-istess jgħodd għan-nisa, u għalhekk ma taqbilx li l-mekkaniżmu jdaħħal persuni li ma jistħoqqilhomx post fil-Parlament.
Francesca Fenech Conti: “Il-mistoqsija mhijiex jekk hemmx mertu, iżda jekk is-sistema tagħrfux”
Il-fundatriċi ta’ Women for Women, Francesca Fenech Conti, qalet li tqis il-mekkaniżmu bħala miżura korrettiva temporanja maħsuba biex tindirizza żbilanċ storiku fir-rappreżentanza politika.
Hija sostniet li ħafna drabi l-kritika lejn il-mekkaniżmu tibda mill-assunzjoni li s-sistema hija purament meritokratika, meta fil-verità ħafna nisa għadhom jaffaċċjaw ostakli addizzjonali fil-politika.
Fenech Conti ġibdet l-attenzjoni wkoll lejn il-vantaġġ tal-“incumbency”, fejn deputati li diġà jkunu fil-Parlament igawdu minn aktar viżibilità u rikonoxximent pubbliku.
Skontha, il-fatt li nisa li daħlu fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu llum qed jiġu eletti mingħajru juri li dan fetaħ il-bieb għal kandidati kapaċi biex juru l-ħila tagħhom lill-elettorat.
Marthese Portelli: “Il-mekkaniżmu m’għandux jiġi trattat f’iżolament”
Marthese Portelli qalet li d-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu tal-ġeneru għandha tkun parti minn dibattitu ferm aktar wiesa’ dwar is-sistema elettorali u l-funzjonament tal-Parlament.
Bħala Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, hija rrimarkat li l-organizzazzjoni ilha tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ riforma aktar komprensiva tal-mod kif isiru l-elezzjonijiet u kif jaħdem il-Parlament.
Skont Portelli, il-mekkaniżmu għandu jiġi analizzat bħala parti minn diskussjoni usa’ dwar kif jista’ jinbena Parlament aktar effettiv, rappreżentattiv u adattat għar-realtajiet tal-lum, aktar milli bħala kwistjoni iżolata relatata biss mal-ġeneru.
X’inhu l-għan tal-mekkaniżmu?
Il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru ġie introdott sabiex jindirizza n-nuqqas storiku ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti. Għalkemm in-nisa ilhom igawdu mid-dritt tal-vot sa mill-1947, għal ħafna snin il-preżenza tagħhom fil-politika baqgħet limitata meta mqabbla ma’ dik tal-irġiel.
Is-sistema ma tneħħi l-ebda siġġu mingħand kandidati eletti. Minflok, iżżid siġġijiet ġodda lill-Parlament biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ bejn il-ġeneri.
Il-mekkaniżmu japplika biss meta fil-Parlament ikunu rappreżentati żewġ partiti politiċi u huwa maħsub biex jgħin lill-ġeneru sottorappreżentat jilħaq madwar 40% tas-siġġijiet parlamentari.
Malta mhijiex waħedha
Malta mhijiex l-uniku pajjiż li introduċa miżuri biex iżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika.
Pajjiżi bħall-Franza, Spanja u l-Belġjum jużaw sistemi ta’ kwoti fuq il-listi elettorali tagħhom, filwaqt li Rwanda għandha siġġijiet riservati għan-nisa fil-Parlament. Fil-Messiku, il-liġi tobbliga bilanċ bejn il-ġeneri fil-kandidaturi politiċi.
Għalkemm il-mudelli jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, l-għan jibqa’ wieħed komuni: li jiġu indirizzati żbilanċi storiċi fir-rappreżentanza politika.
Bejn il-mertu u r-rappreżentanza
Il-kritika ewlenija lejn il-mekkaniżmu tibqa’ dik tal-mertu. Dawk li jopponuh isostnu li s-siġġijiet parlamentari għandhom jingħataw biss fuq il-bażi tal-vot miksub.
Madankollu, il-maġġoranza tan-nisa li tkellmu ma’ dan il-ġurnal sostnew li l-mekkaniżmu ma jissostitwix il-mertu, iżda joħloq opportunità għal kandidati li storikament sabu aktar ostakli fit-triq tagħhom lejn il-Parlament.
Bl-elezzjonijiet każwali issa viċin, id-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu tal-ġeneru mistennija tkompli tikber. Jekk hemm punt wieħed li fuqu deher ċertu qbil fost il-persuni intervistati, huwa li l-għan finali għandu jkun Parlament li jirrifletti aħjar is-soċjetà Maltija – anke jekk għad hemm dibattitu dwar kif dan għandu jintlaħaq.
