Il-PN jipproponi li l-ħaddiema tal-pjattaforma jsiru impjegati u ma jibqgħux jitħaddmu b'mod abbużiv

Il-PN ifakkar li ħafna qed jitħaddmu bħala 'self-employed' meta ma jkunux biex b'hekk ma jingħatawx drittijiet u lanqas il-paga minima...

Il-Partit Nazzjonalista llum nieda diversi proposti li huma l-bażi ta’ dak li jixtieq jara ladarba l-Gvern idaħħal fil-Leġiżlatura Maltija d-Direttiva Ewropea ta’ Xogħol Trasparenti u Prevedibbli, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa. Fil-fatt il-Gvern diġà indika li se jkun qed iwettaq dawn il-bidliet. 

Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-ħaddiema tal-pjattaforma jitqiesu bħala impjegati u ma jibqgħux jinkitbu bħala self-employed, meta dan ma jkunx minnu, xi ħaġa li l-PN illi huwa essenzjali biex ikun assigurat li dawn il-ħaddiema jkunu konformi mal-Liġi, b’kuntratti tax-xogħol li jinkludu l-bonus u b’pagi li ma jkunux taħt il-paga minima, filwaqt li jkunu assigurati s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Mil-lat legali, il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li għandu jkun hemm definizzjoni ċara ta’ xi tfisser platform worker, li jkun implimentat il-portal tal-Kuntratti minn JobsPlus biex il-kuntratti ta’ dawn il-ħaddiema vulnerabbli jkunu jistgħu jiġu ssorveljati skont il-Liġi u li l-kuntratti li la jkollhom ammont minimu u lanqas massimu ta’ sigħat isiru illegali. 

Il-Partit Nazzjonalista - permezz tal-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo, il-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u l-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott - qal illi għandhom jkunu irregolarizzati l-Aġenti li jġibu lill-ħaddiema f’pajjiżna biex dawn ikunu konformi mal-Liġi.

Hemm bżonn ukoll - qal il-PN - li jiddaħħlu penali għal dawk l-aġenziji tar-reklutaġġ li ma jżommux mal-Liġi biex ikunu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiem u li dan ma jkunx abbużat minn min iħaddmu.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema spjegaw li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jiżvela n-nuqqasijiet tal-Gvern, iżda anke qed "juri kif il-Partit irnexxielu jqajjem realtajiet, filwaqt li jixgħel bozza li dan il-pajjiż għandu bżonn jindirizza diversi kundizzjonijiet u drittijiet fil-post tax-xogħol, kemm għal min iħaddem u anke għall-impjegati."

More in Politika