Il-Landfill se togħla bi 15-il metru... 'biex tkun evitata kriżi ta' skart'

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca jwissi li hemm bżonn bidla fil-kultura biex Malta tilħaq it-tragwardi fil-qasam tal-iskart

L-Awtorità tal-Ippjanar illum approvat b'mod unanimu applikazzjoni sabiex il-landfill tal-Għallis togħla bi 15-il metru ieħor "sabiex tkun evitata kriżi ta' skart." Dan ifisser li din il-landfill se jibqa' jkollha l-iskart mitfugħ fiha għal numru ta' snin oħra sakemm l-inċineratur ikun tlesta. Fil-fatt dan il-pass ifisser li l-landfill tista' tibqa' tintuża għal tliet snin oħra.

Minkejja l-impatt viżwali minn kull angolu, il-landfill se tikber biss sa 70 metru, 22 metru inqas mill-muntanja tal-Magħtab, bil-Kap Eżekuttiv  tal-Wasteserv Richard Bilocca jgħid illi minkejja l-ħidma il-problema għadha kbira u l-isfidi huma "enormi". 

"In-nazzjon irid jagħmel bidla fil-kultura u meta jiġri dan inkunu f'pożizzjoni aħjar li jkollna riżultati aħjar," kompla jghid Bilocca. Huwa ammetta li se jkun hemm impatt viżwali, iżda saħaq li dan se jitpatta bi "ħdura" u siġar. 

Qal ukoll li dan il-pass huwa miżura temporanja sakemm jitlesta l-impjant waste-to-energy, filwaqt li l-art agrikola fil-viċinanzi se tibqa' tkun salvagwardjata. 

"Minn aspett ambjentali tagħmel sens għax se nżidu l-landfill mingħajr ma' fil-fatt nieħdu aktar art agrikola. Imma hemm bżonn assolut li joħroġ dan il-permess għax minkejja li l-iskart qed jonqos, il-pajjiż għadu 'l bogħod ħafna mit-tragwardi tiegħu għal dan il-qasam." 

B'kollox il-volum tal-landfill se jkun qed jiżdied bi 850,000 metru kubu. 

Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar Emanuel Camilleri innota li Malta laħqet punt fejn din l-applikazzjoni hija neċessità la ma hemm ebda għażla oħra u allura sejjaħ għal aktar kampanji edukattivi u għarfien dwar il-problemi ta' mmaniġġjar tal-iskart. 

 

More in Politika