Il-PN jisħaq li l-Gvern għandu jippubblika fl-intier tagħha l-proklama mogħtija lil Melvin Theuma

Il-PN qal dan fid-dawl tal-fatt li l-Ġimgħa, Theuma rrifjuta li jixhed fil-każ dwar l-impjieg fantażma li kien ingħata mal-Gvern bl-Avukati tiegħu jistaqsu jekk il-proklama mogħtija lilu, tapplikax ukoll għal dawn il-proċeduri

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Gvern għandu jippubblika fl-intier tagħha u mingħajr dewmien il-proklama mogħtija lil Melvin Theuma fil-każ dwar l-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-PN qal dan fid-dawl tal-fatt li nhar il-Ġimgħa, Theuma rrifjuta li jixhed fil-każ dwar l-impjieg fantażma li kien ingħata mal-Gvern bl-Avukati tiegħu jistaqsu jekk il-proklama mogħtija lilu, tapplikax ukoll għal dawn il-proċeduri.

Il-każ huwa kontra Keith Schembri, Yorgen Fenech u tliet eks uffiċjali oħra. 

Kien għalhekk li fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN Karol Aquilina, insista li l-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija għandhom obbligu li jiddikjaraw jekk il-proklama li ngħata Melvin Theuma tkoprix ir-reati li dwarhom huwa ġie mitlub jixhed quddiem il-Qorti dwar il-każ tal-impjieg fantażma ma’ kumpanija tal-Gvern.

"Il-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt ikun jaf taħt liema kundizzjonijiet ingħatat il-proklama lil Melvin Theuma, x’informazzjoni huwa obbliga ruħu li jagħti u dwar liema reati huwa obbligat li jagħti x-xhieda tiegħu."

L-istqarrija saħqet li l-Gvern għandu minnufih jiddikjara wkoll:

  1. Min kienu l-persuni nvoluti fit-tħejjija tal-proklama;
  2. Min kienu l-persuni li ġew ikkonsultati dwar l-għoti tal-proklama;
  3. Min kienu l-persuni li kellhom aċċess għall-abbozz tal-proklama u dokumenti oħra marbuta magħha, qabel ma’ ġiet iffirmata mill-President ta’ Malta; u
  4. Min kienu l-persuni li apparti l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kienu preżenti għal-laqgħa jew laqgħat tal-Kabinett li matulha ġiet diskussa u ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-proklama lil Melvin Theuma. 

Il-PN insista li l-Gvern, dak iż-żmien immexxi minn Joseph Muscat, kien jaf, meta ta l-proklama, li Melvin Theuma kien ingħata impjieg ma’ kumpanija tal-Gvern u li Theuma kellu rabtiet b’saħħithom ħafna ma’ Yorgen Fenech u ma’ Keith Schembri.

"Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju li l-proklama li ngħata Melvin Theuma hija ffirmata mhux biss mill-President ta’ Malta George Vella, minn Melvin Theuma nnifsu u mill-avukat tiegħu, iżda wkoll minn Joseph Muscat li dak iż-żmien kien Prim Ministru, minn Lawrence Cutajar li dak iż-żmien kien Kummissarju tal-Pulizija u minn Dr Peter Grech li dak iż-żmien kien l-Avukat Ġenerali."

Fakkar li  l-proklama ġiet iffirmata lejliet li Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

"Għalhekk il-proklama li ngħata Melvin Theuma tħejjiet fil-perijodu li Keith Schembri kien għadu Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni," kompla l-PN.

More in Politika