Metsola tipproponi li l-UE tinnegozja x-xiri tal-gass bħala blokk, kif għamlet bil-vaċċin tal-Covid
Il-President tal-Parlament Ewropew qalet illi hemm diversi modi ta' kif l-Unjoni Ewropea tista' tgħin lill-Ukrajna mingħajr ma jitkissru l-abbilitajiet nazzjonali ta' difiża
7 t'Ottubru 2022 12:51 minn Albert Gauci Cunningham
Il-President tal-Parlament Ewropew twieġen mistoqsijiet qabel il-Laqġħa Informali
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, meta kienet qed titkellem fil-Laqgħa Informali tal-Kunsill Ewropew sostniet illi hemm bżonn Ewropa magħquda li toffri rispons għall-kriżi tal-enerġija. Fil-fatt, dwar il-prezzijiet tal-enerġija li bħalissa jinsabu f'livelli għoljin ħafna - tant li diversi pajjiżi qed jaraw kif se jnaqqsu mill-konsum waqt ħinijiet li matulhom dan ikun għoli ħafna - Metsola qalet illi f'dan il-mument il-pajjiżi ewropej ma jistgħux jikkompetu kontra xulxin, "Ħafna kumpaniji tal-enerġija qed jagħmlu profitti kbar permezz ta' spekulazzjoni tas-suq. Il-profitt li qed isir fl-eċċess jeħtieġ ikun dirett f'għajnuna għal familji li qed ibatu minħabba kontijiet li dejjem qed jiżdiedu," sostniet Metsola waqt il-Kunsill.
Kien f'dan il-punt li l-President tal-Parlament Ewropew qalet illi l-proposta tagħha hija li fuq l-enerġija l-Ewropa timxi fuq il-passi tal-pandemija u jkun innegozjat prezz tal-gass bħala blokk sħiħ sabiex b'hekk "tonqos l-ispekulazzjoni." Dwar dan il-punt kompliet tisħaq illi hemm bżonn kooperazzjoni aħjar u aktar regolari bejn l-istati Membri f'dak li jitratta prezzijiet tal-gass għat-tul. "Sar-Rebbiegħa l-ħażna tal-gass se jkollha bżonn terġa' timtela' u allura rridu nkunu f'sitwazzjoni li fiha nistgħu nixtru l-gass bi prezzzijiet raġonevoli minn imsieħba li nistgħu niddependu fuqhom," temmet tgħid il-President Metsola, fuq dan il-punt.
Hija rrikonoxxiet kif il-gwerra u l-prezzijiet tal-enerġija fissret illi l-inflazzjoni u l-prezzijiet jiżdiedu huma l-isfidi għaż-żmien li ġej u fakkret illi f'Settembru l-inflazzjoni laħqet l-10% fiż-żona ewro. "Dan mhuwiex sostenibbli, u n-nies qed jistennew ir-rispons tagħna, flimkien. Iżda kull soluzzjoni għandha prezz... għalhekk irridu naraw li l-baġits tagħna huma b'saħħithom." Fakkret ukoll li dawn l-isfidi se jaffetwaw ukoll is-settur finanzjarju, li jfisser illi l-UE teħtieġ - aktar u aktar - tiffoka fuq il-bżonn li toffri rispons.
'Ninsabu f'punt deċiżiv' - Il-Gwerra tal-Ukrajna u l-UE
"L-Ewropa reġgħet tinsab f'punt deċiżiv. Ma konniex aħna li ridna li jasal dan il-mument, ma konniex aħna li pprovokajna dan il-mument. Irridu imma nibqgħu magħqudin flimkien u dan se jfisser illi se jkun hemm sagrifiċċji x'jinġarru," sostniet Metsola. Hija qalet illi l-Ukreni jridu jkunu kapaċi jiddefendu lilhom infushom u f'din il-fażi tal-gwerra se jkollhom bżonn armi b'saħħithom li jkunu kapaċi jiġġieeldu lit-tankijiet Russi.
Hija qalet illi hemm diversi modi ta' kif l-Unjoni Ewropea tista' tgħin lill-Ukrajna mingħajr ma jitkissru l-abbilitajiet nazzjonali ta' difiża.
Albert Gauci Cunningham, 38 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta ILLUM u tas-sit illum....