'Hemm bżonn inbiddlu r-riċetta ekonomika jekk minflok siegħa ma rridux nagħmlu sagħtejn fit-traffiku'

Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana jgħid illi r-riċetta ekonomika tal-aħħar 10 snin kienet tajba, iżda ma għadhiex is-soluzzjoni ekonomika għaż-żmien li ġej

Il-Ministru tal-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana sostna illi r-riċetta ekonomika tal-aħħar snin, ma tistax tibqa' tkun dik għas-snin li ġejjin, "jekk minflok siegħa ma rridux nagħmlu sagħtejn fit-traffiku u nibnu akkomodazzjoni għat-turiżmu li ma jimtlewx." Caruana kien qed jirreferi għat-tkabbir tar-riżorsa ekonomika f'referenza indiretta għall-fatt li fl-aħħar snin Malta rat tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, li kien ikkumplimentat minn żieda qawwija ħafna ta' ħaddiema barranin biex jimtlew postijiet tax-xogħol li ma kienx hawn biżżejjed ħaddiema Maltin għa Qabel kien Ministru Caruana fil-fatt kien imexxi l-Jobs Plus li ħafna kienu jakkużaw illi ffaċilitat il-proċessi biex aktar u aktar ħaddiema barranin jiġu jaħdmu Malta. 

"Jiena kont wieħed minn dawk li konna nemmnu fil-bżonn li l-ekonomija jkollha aktar riżorsi umani biex nespandu l-produttività. Mill-2013 sa issa, is-suq tax-xogħol baqa' jikber u jikber u jikber, filwaqt li d-dipendenza soċjali naqset drastikament u minn qiegħ tal-lista ewropea ninsabu fit-tmien post ta' kemm pajjiżna għandu persuni fil-qasam tax-xogħol," sostna Caruana hekk kif kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. 

Huwa qal iżda li bħala pajjiż ma nistgħux nippretendu li fl-10 snin li ġejjin l-ekonomija tkompli tikber bl-istess mod u "bl-istess riċetta li adottajna fl-aħħar snin."

Caruana kompla jgħid li hemm bżonn issir distinzjoni bejn "tkabbir ekonomiku" u "żvilupp ekonomiku" u saħaq illi l-għajta tan-nies bħalissa hi għal kwalità tal-ħajja aħjar, fit-totalità tagħha - saħħa, edukazzjoni, ambjent u aktar. 

"Jekk inkomplu inbiddlu bl-istess riċetta, minflok indumu siegħa biex naslu x-xogħol, nibdew indumu sagħtejn. Inkomplu nibnu u jkollna sodod għal turisti li ma jimtlewx. Ir-riċetta tal-passat ma tistax tapplika għall-futur," sostna l-Ministru Caruana. 

Il-Ministru kompla jgħid illi t-traffiku u kmamar li ma jimtlewx mit-turisti huma "riżorsi li qed jintremew u li jistgħu jintużaw f'oqsma oħrajn." 

Kien hawn illi fakkar illi l-ebda Gvern ma jista' jiggarantixxi prosperità jekk din ma tkunx bbażata fuq pjan u riċerka. 

Caruana għamel tixbih bejn Malta u Singapore u qal illi filwaqt li fis-snin 60 dawn iż-żewġ pajjiżi żgħar kellhom differenza żgħira fil-livell ta' għixien, "illum il-kwalità tal-ħajja f'Singapore hija ferm u ferm aħjar minn  ta' Malta. Waħda mir-raġunijiet huwa li f'Singapore investew bl-aħjar mod fis-suq tax-xogħol u fir-riżorsa tagħhom." 

More in Politika