Graffitti jħeġġu lill-Gvern biex jieħu f'idu s-servizz tal-fast ferry; Jinsistu li l-privat falla

Graffitti saħqu li dan huwa servizz pubbliku importanti u l-Gvern qatt ma jmissu ħallih f'idejn il-privat

Il-Moviment Graffitti wera t-tħassib tiegħu għall-mod kif fl-aħħar ġimgħat u jiem kompla jonqos is-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, liema servizz kellu l-għan li jiffaċilita l-ivjaġġar bejn il-gżejjer għall-istudenti u l-ħaddiema, b’mod partikolari.

“Huwa ċar li kien żball gravissimu li servizz pubbliku u ta’ ġid komuni jitħalla f’idejn żewġ kumpaniji privati intiżi biss li jaraw il-qligħ. Dan wassal għal falliment inevitabbli,” insista l-Moviment.

L-iskeda l-ġdida għal Ottubru tinkludi biss erba’ vjaġġi minn Malta kemm matul il-ġimgħa u anke fi tmiem il-ġimgħa. L-aħħar vjaġġ minn Malta matul il-ġimgħa huwa fl-4:30pm u fi tmiem il-Ġimgħa fis-6:00pm. 

Mill-Imġarr, matul il-ġimgħa, il-fast ferry qed jitlaq erba’ darbiet bl-aħħar vjaġġ ikun fil-ħamsa, filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa, qed jitlaq biss erba’ darbiet u l-aħħar vjaġġ ikun fil-5:30pm.

“Sal-ġimgħa li għaddiet kienu għaddejjin bejn tnax u tlettax il-vjaġġ rapidu bejn Malta u Għawdex. Is-servizz inqata’ mil-lum għal għada għal ħames vjaġġi kuljum sparpaljati bejn l-għodwa u filgħaxija,” kompliet l-istqarrija.

Graffitti insista li fl-istess waqt li l-Gvern qed iħalli dan is-servizz jikkrolla, qed jipproponi“l-proġett distruttiv u xejn vijabbli tal-mitjar f’Għawdex u qiegħed jippreżentah bħala proġett li ser itejjeb it-trasport bejn il-gżejjer.”

L-attivisti qalu li dan huwa insult għar-residenti kollha ta’ Għawdex u ta’ Malta. Insistew li tul iż-żmien li ilu għaddej is-servizz, ħafna saru jserħħu fuqu sabiex jevitaw it-traffiku kbir bejn iż-żewġ gżejjer u jaslu dritt il-Belt. 

“Uħud setgħu b’hekk iwarrbu l-karozzi u dawk li jużaw ir-roti tħeġġu mill-fatt li s-servizz jista’ jintuża bir-rota wkoll. Fid-dawl ta’ dan, il-qtugħ fil-provvediment tas-servizz mhuwiex aċċettabbli u għandu jiġi rimedjat mal-ewwel,” komplew jisħqu.

Qalu wkoll li l-proposta tal-Gvern li jissussidja l-kumpaniji li jtejbu s-servizz tagħhom mhix soluzzjoni dejjiema għal servizz ta’ trasport rapidu effettiv u affordabbli. 

“Ma jagħmel l-ebda sens li l-gvern juża t-taxxi tal-poplu sabiex jissussidja l-qligħ tal-kumpaniji privati minflok joffri s-servizz direttament hu,” komplew jisħqu.

Akkuża lill-Gvern li l-uniku prijorità tiegħu hija l-qligħ tan-negozji privati u mhux il-ġid komuni. 

“Il-privatizzazzjoni ta’ dan is-servizz malajr wasslet għal żieda fit-tariffi u l-eliminazzjoni tal-karta TalLinja li kienet tippermetti li s-servizzi tat-trasport pubbliku jaqgħu taħt kappa waħda. Dan juri li meta servizz pubbliku jitħalla f’idejn kumpaniji privati jmur għall-agħar mhux għall-aħjar,” komla Graffitti.

Temmew iħeġġu lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata biex jiżgura li l-iskeda tmur lura għal li kienet fil-qafas ta’ servizz li jpoġġi l-ġid komuni l-ewwel.

“Il-gvern għandu jieħu f’idu s-servizz sabiex ipoġġi quddiem il-bżonnijiet tar-residenti u mhux tan-negozji,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika