Delia u Borg bi protest kontra l-għoti ta' kuntratt għal faċilità ta' trattament tal-kanċer

Adrian Delia u Alex Borg saħqu li d-Direttur tal-Kuntratti kien obbligat li jinvestiga jekk it-tender hux mistenni jingħata b’mod ġust u legali, iżda s’issa għadu ma laqax din it-talba

Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu ppreżenta Protest Ġudizzjarju, fejn talab lill-Qorti biex titlob lid-Direttur tal-Kuntratti jinvestiga kuntratt li jinvolvi miljuni ta’ ewro għal faċilità ta’ trattament tal-kanċer.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għat-Trasport u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia u l-Kelliem għal Għawdex Alex Borg saħqu li ma kellhomx għażla oħra ħlief li jirrikorru għal azzjoni fil-Qorti wara li baqgħu mingħajr risposta għal ittra li kitbu lid-Direttur ix-xahar li għadda. Huma saħqu li d-Direttur tal-Kuntratti kien obbligat li jinvestiga jekk it-tender hux mistenni jingħata b’mod ġust u legali, iżda s’issa għadu ma laqax din it-talba.

Il-Kelliema talbu biex ikun hemm investigazzjoni u jaraw jekk il-proċess għat-tender hux wieħed li jiffavorixxi lil dak li rebaħ il-kuntratt. Ix-xahar li għadda, kemm Adrian Delia kif ukoll Alex Borg kienu kitbu ittra lid-Direttur tal-Kuntratti biex il-proċess kollu tat-tender jingħadda lill-awtoritajiet konċernati ħalli ssir investigazzjoni kif suppost. Liema tender se jkun qed jiswa madwar €25 miljun, li qalu illi huwa aktar mid-doppju mill-istima oriġinali ta’ €12-il miljun.

More in Politika