Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar lid-Deputat Glenn Bedingfield biex f’isem il-Grupp Parlamentari Laburista jikkordina proċess ta’ tfassil ta’ proposti li jaġġornaw l-istanding orders tal-Parlament Malti.
L-Istanding Orders huma r-regoli maqbulin bejn id-Deputati dwar il-mod kif topera l-Kamra tad-Deputati u l-Kumitati.
Fi stqarrija l-PL fakkar li l-Gvern għandu mandat biex ikompli jimmodernizza s-sistema parlamentari ta’ pajjiżna u "t-tħaddim tal-istanding orders huwa mod ieħor kif il-parlament jista’ jsir iktar effiċjenti, effettiv u modern f’ħidmietu."
Il-pakkett ta’ proposti li mistenni jressaq il-Partit Laburista se jħares lejn l-aspetti kollha, imbagħad ikunu diskussi fil-fora parlamentari bil-pożizzjoni tal-grupp parlamentari tal-Gvern tkun dik riflessa minn dan il-proċess dettaljat.