Il-Prosekuturi tal-UE kontra l-korruzzjoni qed jinvestigaw sehem Fenech fil-proġett tal-Junction tal-Marsa

Data minn fuq il-mowbajl ta' Yorgen Fenech turi illi dan seta' lagħab il-parti ta' sensar fil-proġett fuq wegħda ta' €2 miljuni... Fenech jiċħad b'qawwa kull akkużi ta' reat

L-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku (EPPO) qed jinvestiga s-sehem ta' Yorgen Fenech fil-proġett tal-Junction tal-Marsa hekk kif dalgħodu rapport fuq The Sunday Times qed jiżvela li data minn fuq il-mowbajl ta' Fenech turi illi dan seta' lagħab il-parti ta' sensar fil-proġett fuq wegħda ta' €2 miljuni. L-istess gazzetta tgħid illi dawn il-flus kienu se jitpoġġew fil-kumpanija li Fenech kien fetaħ fid-Dubaj, 17 Black u li kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Kienet il-kumpanija Torka Ayhalnar - li f'Malta kienet rappreżentata minn Fenech - li fil-fatt rebħet it-tender fl-2018 sabiex tkun tista' tibni l-flyovers bit-talba tkun madwar nofs miljun ewro inqas minn dik tal-konsorzju Malti li kien magħmul minn RM Construction, V&C Contactors u Schembri Barbos. 

L-istess rapport jjikkwota partijiet minn diskussjoni bejn Fenech u Robert Yildirim, li jmexxi din il-kumpanija kif ukoll il-Malta Freeport Terminal. Dan tal-aħħar staqsa lil Fenech x'se jgħid fil-Qorti, "li pruvajt tixxaħħam imma ma tħallsatx?" F'kummenti ma' The Sunday Times huwa qal li kien qed jeżamina lil Fenech biex jara kif se jirrispondi u qal illi kieku Fenech wieġbu li kien ixxaħħam u allura kellu bżonn il-flus kien jaqbad u jitlaq mill-proġett.

L-investigazzjoni tal-Pulizija kienet waqfet iżda reġgħet fetħet, jgħid ir-rapport, li jkompli jgħid illi l-EPPO bdiet l-investigazzjoni tagħha din is-sena. 

Fenech - permezz tal-avukati tiegħu - ċaħad b'qawwa li hu involut f'xi forma ta' tixħim jew reat ieħor f'dan il-proġett.

More in Politika