L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer ġie maħtur in-negozjatur fuq l-ibħra f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, li se jwassal għal dibattitu u vot fuq it-tmexxija tal-ibħra u l-protezzjoni tal-biodiveristà fl-ibħra.
Engerer spjega kif minn naħa tiegħu qiegħed jimbotta għal aktar ambizzjoni u koperazzjoni internazzjonali fuq il-politka tal-ibħra. Hu qal li din il-politika trid tkun ibbażżata fuq ir-realta’ u l-esperjenzi ta’ kommunitajiet li jgħixu mal-kosta u ta’ dawk li jgħixu fil-gżejjer.
“Ħadd ma jifhem l-ibħra u l-bżonnijiet tagħhom b’mod daqshekk profond u personali daqsna li ngħixu ġol-gżejjer. Mhux biss nifhmu l-importanza tal-baħar għall-ekosistema, u kif tinsab f’periklu minħabba l-attivita’ tal-bniedem, iżda nifhmu ukoll is-soluzzjonijiet li hemm bżonn biex ngħelbu dawn l-isfidi. Il-gżejjer tagħna huma l-aktar li jintlaqtu mit-tibdil fil-klima u l-iżvilupp. Pero, soluzzjonijiet jeżistu, u bħala gżejjer dawn għarafnihom sew u wasal iż-żmien li ħaddieħor ,” qal Engerer.
Ir-riżoluzzjoni li nnegozja Engerer se tkun qiegħda tappella kemm lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-bqija tad-dinja, biex jiġu adottati miri ambizzjużu li jassiguraw ibħra ndaf u vivaċi. Fl-istess ħin irridu nħarsu l-ibħra mit-tniġġis u li l-biodiversita’ fil-baħar tkun protetta. “Ma
nistgħux ninsew kemm l-ibħra huma importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għaliex jassorbju l-karbonju mill-arja,” qal Engerer.
“Is-soluzzjoni għad-dinja tagħna hi li naċċertaw li l-ibħra jinżammu fiċ-ċentru tal-politika. Irridu nindirrizzaw żewġ elementi kruċjali - li nipproteġu l-ibħra, u fl-istess ħin nutilizzawhom bl-aħjar mod possibli. Dan huwa għall-ġid tagħna l-bnedmin stess, ” saħaq Engerer filwaqt li enfasizza li rridu nħarsu lejn is-saħħa b’mod olistiku. “Is-saħħa tal-ambjent ta’ madwarna, inkluż tal-ibħra, is-saħħa tal-bniedem kif ukoll is-saħħa tal-annimali li jgħixu fostna,” ikkonkluda Engerer.
Din ir-riżoluzzjoni hija skedata għal vot waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew li jmiss, fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.