33,472 student u studenta jirritornaw wara l-bankijiet tal-iskola fl-iskejjel tal-Istat

Il-Ministru għall-Edukazzjoni żar diversi skejjel u ħeġġeġ lill-istudenti kollha biex jieħdu sehem fl-attivitajiet extrakurrikulari li kull skola torganizza

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima

Wara li nhar it-Tnejn li għadda 7,962 edukatur u 780 kindergarten educators daħlu fl-iskejjel primarji u sekondarji għal din is-sena skolastika ġdida, ilbieraħ daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola 27,484 student u studenta biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, 15,297 fil-primarja u 12,187 fis-sekondarja.

Apparti minn hekk, il-ġimgħa d-dieħla se jkunu daħlu wkoll total ta’ 5,988 student fil-klassijiet tal-kinder biex 33,472 student u studenta jkunu bdew is-sena skolastika 2022-23 f’103 skola u istituzzjoni edukattiva tal-istat, fil-livell primarju u sekondarju.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega kif din is-sena, qed joffri trasport b’xejn lil total ta’ 12,948 student u studenta, 3,522 fil-livell ta’ kinder u primarja u 9,426 fil-livell sekondarju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima għamel diversi żjarat f' għadd ta' skejjel propju fit-tieni jum ta’ din is-sena skolastika. Fost oħrajn huwa żar l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara u l-Iskola Sekondarja taż-Żokrija fil-Mosta, parti mill-Kulleġġ Maria Reġina.

Huwa fakkar kif din is-sena skolastika se tkun l-ewwel waħda wara s-sentejn tal-pandemija, li se tkun normali u fl-iskejjel tal-pajjiż se terġa’ tara l-attività kollha marbuta mal-ħajja studenteska.

“Ninkoraġġixxi lill-istudenti kollha biex jieħdu sehem fl-attivitajiet extrakurrikulari li kull skola torganizza, għaliex dawn ukoll huma parti importanti mill-edukazzjoni tal-istudenti u jgħinu wkoll fil-formazzjoni ta’ kull wieħed u waħda mill-istudenti,” tenna l-Ministru Clifton Grima.

Il-ġimgħa d-dieħla, apparti d-dħul tal-istudenti fil-livell ta’ kindergarten, tibda s-sena skolastika u akkademika tal-MCAST, l-Università ta’ Malta u tal-istituzzjonijiet postsekondarji.

More in Politika