'Żidu l-paga issa!' - Trejd Unjins Ewropej jitolbu għal żieda fil-paga minima fl-istati membri

Numru ta' MEPs fosthom Maltin kienu opponew partijiet mid-direttiva meta kienet proposta l-ewwel darba f'Marzu tal-2021, fosthom l-MEP Alfred Sant

Skont il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) sa sena ilu, persuna minn kull ħamsa kienet diġà fir-riskju tal-faqar. B’kollox iċ-ċfira kienet tammonta għal 95.5 miljun persuna. Fid-dawl ta’ dan, il-ETUC qed titlob lil Ministri tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw b’mod urġenti id-direttivi tal-Kummisjoni Ewropea dwar qliegħ baxx. 

Dawn ir-rekomandazzjonijiet kienu ġew proposti f’Marzu tal-2021. 

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-MEPs Maltin kienu qablu fuq il-maġġoranza tad-direttivi u appoġġjaw l-offerta tal-Kummisjoni Ewropea sabiex jiġu stabbiliti standards ta’ paga minima, l-MEPs Maltin kienu opponew u riedu iktar flessibilità fuq talba tal-ETUC stess għal “limitu obbligatorju” li jorbot il-paga minima f’kull pajjiż mal-paga medja tal-Unjoni Ewropea.

L-ETUC dejjem talbet li l-limitu jassigura illi l-pagi minimi qatt ma jkunu jistgħu jitħallsu b’inqas minn 60% tal-paga medja Ewropea u 50% tal-paga medja fi stat membru. B’riżultat ta’ dan il-Kummissjoni inkludiet dan il-limitu fl-abbozz tad-direttiva tagħha iżda biss bħala gwida indikattiva għall-istati membri. 

Alfred Sant kien fost l-MEPs li opponew dan il-limitu filwaqt li saħaq illi l-limitu mhux jieħu f’konsiderazzjoni bnefiċċji soċjali, sussidji tal-Gvern u supplimenti, fost affarijiet oħra. L-MEPs Laburisti l-oħra kienu iktar lesti jaċċettaw il-prinċipju tal-limitu iżda kien hemm min illi semma li dawn id-direttivi mhux jikkunsidraw li l-pandemija kienet “ċirkostanza unika li għamlet kollox agħar.”

Sintendi sa dak iż-żmien il-gwerra fl-Ukrajna kienet għadha ma bdietx u għalhekk l-għoli tal-ħajja kien imbassar li se jitla’ b’rata għolja u mhux jisplodi.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija,il-konfederazzjoni Ewropea baqgħet tinsisti li l-pagi mhumiex il-kawża tal-inflazzjoni imma l-ħaddiema huma l-vittmi ta’ kriċi wara oħra, bil-valur tal-pagi tagħhom jonqos filwaqt li l-prezzijiet għall-oġġetti ta’ kuljum qed jogħlew. 

“Dan qed iżid l-inugwaljanzi eżistenti bl-aktar milquta’ jkunu l-ħaddiema b’pagi baxxi u nies vulnerabbli,” saħqet il-Unjin.

L-ETUC irrikonixiet illi r-rakkomandazzjonijiet dwar l-appoġġ għall-introjtu minimu jridu jkunu jkunu akkumpanjati mill-adozzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttiva dwar pagi minimi adegwati.

“Iż-żieda fil-prezzijiet jolqtu l-aktar lin-nies fil-faqar u l-foqra ma jistgħux jistennew sal-2030 biex ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati” temmet tgħid Liina Carr, is-Segretarju Konfederali tal-ETUC.

More in Politika