Abela f'laqgħa mal-President tal-Kunsill Libjan u fi ftehim ma' Antigua u Barbuda

Il-Prim Ministru tenna li Malta hija kommessa li żżomm relazzjoni b’saħħitha mal-Libja u l-poplu Libjan

Il-PM Malti mal-President tal-Kunsill Libjan
Il-PM Malti mal-President tal-Kunsill Libjan

Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Kunsill Libjan Mohamed Menfi. "Malta bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti se taħdem biex tappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Libja," sostna l-Prim Ministru Abela.

Abela sostna li Malta se tkompli taħdem biex il-Libja tibqa’ fuq quddiem fl-aġenda tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwalĠew diskussi wkoll setturi ta’ kollaborazzjoni bħall-enerġija, il-kummerċ, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Il-Prim Ministru tenna li Malta hija kommessa li żżomm relazzjoni b’saħħitha mal-Libja u l-poplu Libjan.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela ffirma ftehim mal-Prim Ministru tal-Antigua u Barbuda Gaston Browne li se jwassal biex l-Aġenzija għall-Enerġija u Ilma ta’ Malta tassisti lill-pajjiż iżid il-kapaċità tiegħu fl-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi skarsi tal-ilma.

Dan il-ftehim jimplimenta dikjarazzjoni li l-Prim Ministru għamel waqt il-COP26 fi Glasgow dwar l-inizjattiva ta’ Malta Islands for Islands, li timmira biex tgħin gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw relatati mat-tibdil fil-klima.

Fid-diskors tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta qed tgħin lil stati gżejjer żgħar oħra fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma – sfida għal ħafna pajjiżi u waħda ewlenija għall-ġenerazzjoni preżenti.

More in Politika