'Hemm prezz x'jitħallas għall-iżbalji li saru fl-Air Malta ... Jien se nagħmel dan' - Caruana

Il-Ministru Clyde Caruana jisħaq li l-Air Malta hija eżempju ċar ta' kif kumpanija ma għandhiex tagħmel in-negozju filwaqt li insista li hemm deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn jittieħdu

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ma tantx dam jomgħod il-kliem dwar l-Air Malta u saħaq li l-linja tal-ajru hija eżempju ċar ta’ kif negozju ma għandux jitmexxa.

Waqt attività ta’ qabel il-Baġit, organizzata minn The Times of Malta, Caruana wiegħed “riformi iebsa” biex ibiddel ir-rotta li qabbdet il-kumpanija.

Insista li tul is-snin, l-Air Malta kienet qed taħraq l-assi tagħha u timpjega “mijiet” ta’ ħaddiema li ma kienx hemm bżonnhom. 

Fi kliemu, l-Air Malta kienet qed taħraq bejn €40-45 miljun fis-sena.

Spjega kif il-kumpanija kienet qed tagħmel affarijiet li ma jagħmlux sens, inkluż li tibqa’ tħallas ħaddiema li kienu għażlu li jirtiraw kmieni. Dawn jieħdu żewġ terzi tal-paga tagħhom sakemm jilħqu l-età tal-irtirar.

Insista, li termini bħal dawn għandhom jitneħħew mill-ftehmiet kollettivi bejn il-linja tal-ajru u anke l-unjins.

“Hemm prezz x’jitħallas għall-iżbalji li saru. Jiena dak li se nkun qed nagħmel dan,” qal Caruana filwaqt li insista li r-ristrutturar tal-Air Malta mhux se tkun xi ħaġa faċli.

Madanakollu insista li dawn ir-riformi hemm bżonn li jsiru jekk il-pajjiż ma jridx li jispiċċa bla linja tal-ajru nazzjonali. 

More in Politika