'Fuq tal-COLA mhux se nċedu. Jekk il-kalkolu inħadem għal €10, daqshekk għandu jingħata. Għall-futur imma lesti nitkellmu...'

L-għoli tal-ħajja bħalissa jinsab fuq fomm ħafna nies u l-istess il-COLA. L-ILLUM tistaqsi lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU dwar dan, dwar l-Air Malta u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'Malta bħalissa...

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Il-Baġit għall-2023 issa riesaq u d-diskussjonijiet diġà bdew. Imma l-poplu mhux qed jistenna l-baġit biex jitkellem u jevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu għax din qed jagħmilha bħalissa hekk kif pajjiżna - bħal pajjiżi oħrajn ewropej - qed jiffaċċja sfida qalila ta' inflazzjoni. Din il-ġimgħa stess l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika ċifri li juru kif l-inflazzjoni telgħet għal 7%, madwar sitt darbiet aktar milli kienet sena ilu biss. Mhux ċajta! L-uniku soljev politiku għall-Gvern huwa li l-għoli tal-ħajja barra qed tiżdied b'rati ħafna ikbar.

Imma Joe, Mary, Brendon u Rita minn buthom jinteressahom. Jinteressahom li l-ħajja qed togħla u jinħass li l-pagi baqgħu fejn kienu. Jagħtihom tort igergru n-nies is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja? Kollox qed jogħla!

Bugeja jibda billi jfakkar li hemm tliet tipi ta' żidiet fil-pagi. L-ewwelnett hemm iż-żieda fil-paga li tkun mifthema mal-impjegatur mal-bidu tal-impjieg, meta f'xi okkażjonijiet min iħaddem iwiegħed li se jibda jħallas bil-€5 kull siegħa, imbagħad wara ammont ta' żmien din titla' għal €7 għax il-ħaddiem ikun żied il-produttività. Imbagħad hemm żidiet li jkunu riżultat ta' ftehim kollettiv - meta il-unjin f'isem il-ħaddiema taqbel fuq titjib ta' kundizzjonijiet u paga ma' min iħaddem u finalment hemm il-COLA. "Dan għal ħaddiema li huma organizzati, għax dawk li mhumiex għajr għal sitwazzjonijiet fejn hemm qbil, ma jieħdu ebda żidiet għajr dawk tal-COLA. Għalhekk l-argument tas-sħubija mandatorja f'unjin," fakkar Bugeja. 

U dwar il-proposta - illi l-ewwel li kien semmieha kien l-eks PM Joseph Muscat - bqajna ma smajna xejn, tfakkru l-ILLUM. 

Bugeja beda billi fakkar li oriġinarjament din kienet proposta tal-GWU li Muscat kien adotta però li imbagħad waqaf kollox ħesrem fuqha minħabba l-pandemija. "Dawk li jħaddmu huma assolutament kontra din il-proposta, però nfakkar li l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem jirrapreżentaw lil min iħaddem u ma jitkellmux għal kundizzjonijiet tal-ħaddiema, dak nagħmluh aħna l-unjins." 

'Kieku mhux għas-sussidji l-COLA kienet kun madwar €22...'

Imma nerġgħu nduru fuq is-suġġett in kwistjoni u allura l-COLA. Bugeja jisħaq li fuq din il-kwistjoni hemm mekkaniżmu li ġieli irriżulta f'żieda ta' 58ċ biss "u meta kien hekk kien jgergru l-ħaddiema, imma aħna konna nfakkru li hemm mekkaniżmu. Issa jekk l-istess mekkaniżmu din id-darba qed jindika - ejja ngħidu €10, mela daqshekk għandu jingħata u fuq din mhux se nċedu, lanqas biċċa. Imma, iva, aħna lesti li niddiskutu l-COLA, għall-futur," aċċerta Bugeja. 
 

Huwa fakkar kif, kuntrarjament għal ċerti perċezzjonijiet, il-COLA hija żieda marbuta strettament mal-inflazzjoni u mill-1 ta' Jannar tkun tirrifletti dawk l-ispejjeż li żdiedu matul din is-sena, jiġifieri hija wkoll għajnuna retroattiva. Kompla jgħid illi kieku l-enerġija u l-qmuħ ma kinux issussidjati, kieku l-COLA kienet titla' għal madwar €22 - kalkolu li jfakkar illi huwa viċin dak tal-Gvern ukoll. 

"Mela l-Gvern qed jgħin - permezz ta' dawn is-sussidji - sabiex il-COLA ma inħadmitx għal ħafna aktar u allura qed jgħin lil min iħaddem biex ikun aktar kompettitiv, meta mqabbel ma' impjegaturi ewropej li qed ikollhom iħallsu kontijiet ħafna ogħla."

'Jekk pakkett għaġin kien €1 u issa sar €1.20ċ, il-Gvern se jagħtik dik it-20ċ fil-COLA'

Il-gazzetta tirrimarka illi hemm min qed jgħid li €10 kull ħaddiem se tfisser problemi għalih u jaf ikollu jnaqqas in-numru ta' ħaddiema. Allura jekk hawn impjegaturi li ma jifilħux iħallsu din iż-żieda, wieħed mingħajr ma jrid jistaqsi: Fejn hu dan il-ġid kollu li hawn min tant ilu jiftaħar bih u li l-GWU jidher li taqbel illi nħoloq? 

Bugeja beda jwieġeb billi fakkar li meta unjin tinnegozja tmur għand il-ħaddiema u tistaqsihom kemm iridu żieda. Wara evalwazzjoni tal-post tax-xogħol jafu jnaqqsu mit-talba tal-ħaddiema, li jaf mhux dejjem tkun sostenibbli u wara qbil imorru għand min iħaddem. 
"Il-maniġment dejjem se jibda miż-żero, għax dejjem jgħid li ma jiflaħx iħallas aktar imma imbagħad wara diskussjonijiet naslu għal qbil," spjega s-Segretarju Ġenerali tal-GWU. Huwa qal illi aktar milli dwar tkeċċijiet, bħalissa iktar hemm diskors dwar nuqqas kbir ta' ħaddiema minn ħafna impjegaturi. 

Jerġa jispjega iżda l-kunċett tal-COLA. "Ejja nimmaġinaw li tkun €10 fil-ġimgħa, li jfisser €520 fis-sena. Jiena ma nista' qatt u qatt naċċetta li l-valur tal-paga tonqos b'€520 f'sena. Ma ninsewx li l-€520 mhumiex gwadann li qed tagħmel imma biss mod ta' kif iżżomm l-istess livell ta' paga li għandek illum, meta qed jiżdiedu l-ispejjeż," saħaq Bugeja. 

"Jekk m'inix sejjer żball hemm eluf ta' ħwienet - madwar 10,000 stabbiliment - li l-Gvern jevalwa l-prezzijiet tagħhom biex jasal għall-COLA. Issa jekk pakkett għaġin kien €1 u issa sar €1.20ċ, il-Gvern se jagħtik dik it-20ċ fil-COLA biex jagħmel tajjeb għaż-żieda. Allura inti tibqa' fejn kont." 

Kompla jispjega kif huwa ċar mill-istatistika tal-Eurostat li beda jikkwota, illi l-produttività f'pajjiżna qegħda tiżdied u allura jisħaq li dan flimkien mal-għajnuna fil-forma ta' sussidji fuq il-kontijiet, qed jgħin biex min iħaddem jibqa' kompettitiv. 

'Kontroll fuq l-abbuż iva, fuq il-prezzijiet le'

Isir l-ilment dwar abbużi minn prezzijiet u li "kulħadd qed jgħolli bl-addoċċ, mingħajr kontroll." Jemmen li l-Gvern għandu jagħmel xi forma ta' kontrolli fuq l-abbuż?

"Kontroll fuq l-abbuż iva, fuq il-prezzijiet le," jibda jgħid. Huwa jfakkar li aħna qed noperaw f'suq ħieles għalkemm ifakkar lil dawk li jimpjegaw li s-suq ħieles jgħodd dejjem, inkluż meta ħaddiem iħalli l-impjieg għax isib ieħor li jħallas aktar. 

"Imma allajbierek xi kultant tistaqsi, mela kollox mill-Ukrajna ġej?" staqsa rettorikament Bugeja li ammetta iżda li din tkun xi ħaġa diffiċli li tikkontrolla. 

"Nemmen li r-rata tal-inflazzjoni se tikkalma, fil-fatt ma għadhiex qed tiżdied bl-istess mod," qal Josef Bugeja li ppreveda iżda li għas-sena d-dieħla l-ħajja se tibqa' togħla u li fl-2023 se jerġa' jkun hemm bżonn COLA għolja. 

U l-flus minn fejn se jiġu?

Argument li qed isir minn bosta huwa li s-sussidji fuq l-enerġija mhumiex sostenibbli għat-tul, anke jekk huwa propju dan li din il-ġimgħa, għall-mistoqsija tas-sit illum.com.mt, qal li se jagħmel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. 

Huwa ma jaqbilx ma' dan l-argument u jisħaq illi s-sussidji qed jassiguraw stabbilità u kompettività, kif ukoll sitwazzjoni li ma tkissirx lil min iħaddem sabiex meta l-affarijiet jitjiebu l-ekonomija tkun tista' titlaq tiġri. 

"Nemmnu li din kienet politika ta' ġid u għandha tibqa' prijorità," temm jgħid. 

Imma l-mistoqsija allura hija, dawn il-flus minn fejn se jġibhom il-Gvern? 

"Hemm madwar €5 biljuni dovuti lill-Gvern li għadhom ma tħallsux," jgħid Bugeja f'eku tal-istorja li kienet ippubblikat il-gazzetta ILLUM li proprju żvelat dan l-ammont. Tfakkru l-gazzetta iżda li dan l-ammont jinkludi djun li qatt mhu se jitħallsu lura (bad debts) għax huma ta' negozji li fallew jew inkella saħansitra ta' negozjanti li mietu.

Filwaqt li ammetta illi dan hu l-każ fakkar ukoll li l-impjegat tinqgħatalu l-bolla u t-taxxa mill-ewwel, mal-paga. "Issa jekk hemm €400 miljun f'bolol dovuti, dan ifisser li ma tħallsux minn min jimpjega. U meta ħaddiem jasal għall-pensjoni, il-Gvern xorta jrid joħroġhom dawk il-flus. Mela d-daqqa hi doppja fuq il-Gvern."

Huwa temm jgħid li jemmen illi kif instabu s-soluzzjonijiet waqt il-pandemija jerġgħu jinstabu din id-darba. 

'Skjavitù' u l-Air Malta

Bugeja jkompli jelenka proposti tal-GWU għall-baġit u jsemmi l-ħaddiema tal-pjattaforma li qed jaħdmu f'dak li jsejjaħ "skjavitù" b'uħud minnhom lanqas biss jaqbdu €2.66 kull siegħa, jgħid Bugeja. 

"Dawn la għandhom drittijiet, la sick, la bonus... xejn... jew għallinqas uħud minnhom ma għandhom xejn!" Huwa qal li din is-sitwazzjoni hija frott il-fatt li wħud minnhom lanqas biss huma meqjusin impjegati imma self employed u jitħallsu bil-Commission. 
"Qed ngħafsu biex din ir-realtà tinbidel, għax is-sitwazzjoni qed tintilef mill-kontroll," qal Bugeja. 

Filwaqt li l-gazzetta taqbel mal-argumentazzjoni ta' Bugeja fuq il-ħaddiema tal-pjattaforma, tfakkru illi filwaqt li f'dan il-pajjiż hawn klassi ta' ħaddiema li - skont hu - jaqilgħu €2.66 kull siegħa, hemm klassi oħra ta' ħaddiema li għax il-linja nazzjonali mhux sejra tajjeb se jitħallsu eluf kbar f'retirement scheme, kull wieħed. 

Dan ġust? Kien hemm min sejjaħ il-ftehim bejn il-Gvern u l-ħaddiema tal-Groundhandling bħala "l-aktar ftehim oxxen fl-istorja tar-relazzjonijiet industrijali. Kif iwieġeb? U l-Gvern iltaqa' mal-GWU biex jiddiskuti l-futur tal-Air Malta? 
"Le għadna ma ltaqjniex u l-Gvern għadu ma kellmniex," beda jispjega Bugeja. Kienet din il-gazzetta li żvelat illi l-GWU kienet talbet sabiex tiltaqa' mal-Ministru wara rapporti li l-Gvern għandu pjani lesti biex jagħlaq l-Air Malta. Huwa qal li l-Gvern informa lill-unjin li għalissa qed jistenna li jiġu indirizzati problemi li għad hemm mal-piloti. 

Dwar l-iskema ta' rtirar Bugeja fakkar illi kien fi Frar li għadda illi l-unjin innegozjat pakkett mal-Gvern sabiex il-ħaddiema tal-Ground Handling - li huma fil-maġġoranza qawwija ħafna tagħhom membri tal-GWU u li jgħoddu madwar 300 - ikollhom l-impjieg u anke d-dħul kurrenti garantit. Kompla jispjega illi "minn kullimkien" bdew ġejjin talbiet għal skemi ta' rtirar ukoll u dawn kienu miżjuda ma' dak li kien innegozjat. 

"Dawn l-iskemi huma marbutin mas-snin ta' servizz u anke s-snin li ħaddiem għad fadallu jaħdem. Hemm golden handshake? Iva, għal min għamel 25 sena ta' servizz. Minkejja dan, l-priorità tibqa' li l-ħaddiema jkollhom impjieg alternattiv."

Jemmen li l-linja nazzjonali ġiet użata għal skopijiet politiċi u kien dan li wassal biex ġiet fhiex ġiet?

Bugeja ma jweġibx dwar dan il-punt partikolari imma jitfa' t-tort fuq dik li jsejjaħ "kompetizzjoni ħarxa" mil-linji tal-ajru low cost. "Biżżejjed tħares lejn is-sehem li l-Air Malta għandha u kemm dan naqas minħabba l-low cost. Imma allura nimmiraw li nnaqqsu l-kundizzjonijiet biex inkunu kompetittivi? Le. Għandna nimmiraw għall-kwalità u l-effiċjenza." 

Bugeja fakkar illi l-Air Malta ġġorr il-merkanzija, xi ħaġa li Ryanair ma tagħmilx u li tiswa' l-flus għall-kumpanija. Qal ukoll iżda li l-kumpanija hemm bżonn taġġorna għar-realtajiet tal-lum. 

Finalment dwar l-linja nazzjonali Bugeja qal illi l-ħaddiema tal-ground handling kienu mweġġgħin għal mod kif ingħatat l-impressjoni li mhumiex tajbin f'xogħolhom wara snin ta' dedikazzjoni. 

Proposta: Mhux aktar minn 20% tal-ħaddiema li jkunu tal-kuntrattur

U finalment nitkellmu ftit dwar ix-xogħol. Vera hawn rata ta' qgħad baxxa. U veru wkoll li il-qgħad baqa' dejjem baxx fl-aħħar snin. Imma qed jiġu eluf ta' ħaddiema barranin biex jagħmlu xogħlijiet li ma hawnx biżżejjed Maltin biex jimlewhom - u dan hu tajjeb - imma imbagħad l-unjins qed jaraw li ma jsirx abbuż? Qed jaraw li mhux inġibu l-ħaddiema, inħaddmuhom bla drittijiet u bil-karawett u bil-konsegwenza titkisser l-istruttura tal-pagi? 

Huwa jibda billi jfakkar li Malta hawn madwar 60,000 persuna barranija f'impjieg u jagħmilha ċara: "Aqtagħhom u ara min se jagħmel dak l-impjieg. Ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom. Imma minn naħa l-oħra, iva, ma għandux ikun hemm l-abbuż. Għandu jinqata' l-abbuż u jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali għal kulħadd," jisħaq Bugeja. 

Huwa qal li - mill-ġdid - dan l-unjins jistgħu jaċċertawh biss meta l-ħaddiema jkunu organizzati f'unjin, xi ħaġa li dawra ma' Malta turik li ħafna mhumiex tirrimarka l-ILLUM. Huwa qal iżda li l-unjin taf b'abbużi li saru, speċjalment waqt il-pandemija, fosthom nies li jitkeċċew b'sms, ħaddiema li qalulhom illi l-Wage Supplement kien jinkludi l-bonuses, meta ma kienx minnu u anke ħaddiem li weġġa' u ntefa' bejn ħajja u mewt fuq il-bankina. 

Huwa kompla jgħid li huwa importanti li naraw li ħafna mill-impjiegi ma jispiċċawx ikunu dawk mal-kuntrattur, fejn ħafna drabi dawn ma jkunux jitħallsu l-istess daqs dawk li jkunu "tal-post." 

Huwa qal kif anke fil-manifattura hemm sitwazzjonijiet fejn żewġ persuni qed jagħmlu eżatt l-istess xogħol, u xi ħadd jitħallas bit-€3 u ħaddieħor bil-€1.

L-ILLUM tfakkar: Il-Gvern preżenti ilu jwiegħed li se jagħmel xi ħaġa. Allura minn kliemek ma tantx jidher li għamel! Mhux hekk?
Bugeja jippreċiża li fejn jidħlu ħaddiema tal-Gvern saret ħidma, fis-sens li l-ħaddiema qed jingħataw l-istess rata bażika u issa ddaħħal l-istess ħlas għall-Ħdud. "Imma fil-privat, xejn. Ħaddiem tal-kuntrattur jingħata l-minimu li titlob il-liġi."

Għalhekk il-GWU qed tipproponi li jew ikun estiż il-kunċett tal-paga ugwali għal xogħol ugwali kullimkien jew inkella li jkun hemm capping ta' 20% fuq kemm kumpanija tkun tista' tħaddem persuni li jkunu tal-kuntrattur. 

"Min iħaddem qed jgħajjat li ma hawx biżżejjed ħaddiema imma mbagħad meta tistaqsihom biex jimpjegaw magħhom, jgħidulek li minflok jippreferu jimpjegaw nies tal-kuntrattur. Dawn il-karrieri li rridu noħolqu bħala pajjiż?"

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja temm l-intervista jistaqsi: "Għaliex il-pagi għandhom ikunu differenti jekk huwa l-valur tax-xogħol li jiddertermina d-dħul?" 

More in Politika