'Il-PM għandu immedjatament jippubblika r-rapport bil-pariri dwar riformi fil-ġurnaliżmu'

103 firmatarju jitolbu lill-PM Robert Abela sabiex jippubblika - b'mod immedjat - il-pariri mogħtija lilu dwar riformi li jitrattaw il-ġurnaliżmu u jappellaw biex tinfetaħ konsultazzjoni dwarhom

F'ittra lill-Prim Ministru Robert Abela 103 persuni, fosthom ġurnalisti, edituri, opinjonisti u diveri oħrajn, talbu sabiex b'mod immedjat huwa jippubblika l-pariri dwar riformi tal-liġijiet li jolqtu l-libertà tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu, li diġà ngħataw mill-esperti li ħatar hu stess. "Qabel imur il-Parlament b’xi proposta ta’ liġi, għandu jippubblika l-intenzjonijiet tal-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa u effettiva. Il-libertà tal-espressjoni ma tistax titħares b’liġijiet li jitfasslu fis-sigriet," fakkru dawn il-103 firmatarji. 

Dawn il-103 jinkludu 11-il editur Malti u diversi ġurnalisti, akkademiċi, persuni li jaħdmu fil-midja u fil-qasam tal-arti u tat-teatru, esperti legali, attivisti, membri ta’ għaqdiet diversi u persuni li għandhom għal qalbhom id-dritt kostituzzjonali għall-espressjoni ħielsa.

Kien f’Jannar 2022 meta l-Prim Ministru ħatar grupp ta’ esperti biex jagħtuh parir dwar riformi fil-leġiżlazzjoni dwar il-qasam tal-ġurnaliżmu. Il-grupp għadda rapport lill-Prim Ministru fl-1 ta’ Ġunju li għadda.

Il-firmatarji fakkru li dan ir-rapport baqa’ ma ġiex ippubblikat minkejja li l-PM kien wiegħed li jippubblika r-rapport fi żmien għaxart ijiem minn meta jirċevih. "Mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-membri tal-professjoni u aktar minn hekk, mingħajr il-pubbliku, ir-riformi ma jkunux jirriflettu l-bżonnijiet tas-soċjetà u allura ma jirnexxux. Mingħajr konsultazzjoni pubblika ma jistax ikollna riformi li jsaħħu l-libertà ġurnalistika," sostnew il-firmatarji ta' din l-ittra li ntbagħtet lil Abela. 

Huma komplew jisħqu li n-nuqqas ta' protezzjoni, l-indħil u abbużi li jiffaċċjaw il-ġurnalisti kull meta jkunu qed jaqdu l-irwol tagħhom - meta jikxfu l-abbuż tal-poter - "huwa attakk fuq id-dritt ta' kull ċittadin f'soċjetà demokratika li jkun infurmat dwar l-imġieba ta' dawk li jinsabu fil-poter." 

Il-gazzetta ILLUM/illum.com.mt hija waħda mill-firmatarji ta' din l-ittra mibgħutha lill-Prim Ministru. 

More in Politika