Sant jappella għal aktar trasparenza biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija u prezzijiet stabbli

'L-iffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-enerġija għandu jseħħ b'mod ġenerali, mhux biss għall-gass naturali mir-Russja' - Alfred Sant 

L-MEP Alfred Sant
L-MEP Alfred Sant

F’ intervent fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, dwar ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-eks Prim Ministru u Membru Parlamentari Ewropew (MEP) Laburista Alfred Sant stqarr li l-mudell li għandu jiġi segwit għandu jkun dak ta’ gwerra ekonomika li ssir biex tiġi żgurata u massimizzata l-provvista tal-enerġija filwaqt li jistabbilizzaw il-prezzijiet. "Hemm probabbiltà għolja ta' falliment jekk sempliċiment tiddependi fuq il-bidliet u l-manipulazzjoni tal-forzi tas-suq, flimkien ma' sussidji għall-konsumatur", huwa innota.

Id-dibattitu fforma parti mill-isforzi kontinwi fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex jiġi implimentat pjan Ewropew ikkoordinat għall-ġestjoni tal-provvisti tal-enerġija għax-xitwa li ġejja u lil hinn, wara t-tfixkil tal-provvisti tal-gass Russu u r-rimtu mgħaġġel ħafna taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Eżatt qabel il-plenarja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għamlet proposti għal azzjoni konġunta ġdida mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sant qabel li l-prezz tal-gass irid jiġi separat minn dak issetjat għall-elettriku. Madanakollu, huwa sostna li iffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-enerġija għandu jseħħ b'mod ġenerali, mhux biss għall-gass naturali mir-Russja. Sadanittant, għandu jkun hemm trasparenza totali dwar dak li qed isir, f’termini ta’ prezz u dan permezz ta’ azzjoni governattiva.

"In-nazzjonalizzazzjoni diretta temporanja ma tistax tiġi mwarrba minħabba n-natura tagħha", stqarr Sant. Il-miżuri jridu jiġu ikkalibrati flimkien, fil-livelli kollha tal-ispettru tal-enerġija permezz ta' azzjoni tal-gvern, kollaborazzjoni tas-settur privat u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa staqsa jekk dak li ġie propost s'issa huwiex dettaljat biżżejjed biex joffri sigurtà sħiħa tal-enerġija u stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet.

More in Politika