'L-inkwiet ta' diversi għaqdiet dwar telf ta' ħajjiet fuq il-baħar ma jistax jintlaqa' b'silenzju'

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qalet li Iktar milli tradituri jew għedewwa tal-istat, dawk li jitkellmu favur s-salvataġġ tal-immigranti fuq l-ibħra qed jonoraw il-valuri tagħna...

Loujin, tifla li tilfet ħajjitha fil-baħar
Loujin, tifla li tilfet ħajjitha fil-baħar

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-politiċi sabiex jagħtu priorità lis-salvazzjoni tal-ħajjiet u "ma jużawx lingwaġġ li jwassal sabiex tikber l-indifferenza wara l-mewt ta' tifla ta' erba' snin li tilfet ħajjitha traġikament fiż-żona Maltija tat-Tfittix u Salvataġġ.

It-tifla Loujin mietet mgħerrqa fl-aħħar jiem, flimkien ma' 60 persuna oħra li kienu fuq il-baħar u li kienu ħarbu mil-Libanu għaxart ijiem qabel. 

Il-Kummissjoni qalet illi l-inkwiet ta' għaqdiet mhux governattivi , ċittadini ta' rieda tajba, ġurnalisti u qraba "ma jistgħux jintlagħqu b'silenzju jew inkella jkunu injorati. Iktar milli tradituri jew għedewwa tal-istat, dawk li jitkellmu favur s-salvataġġ tal-immigranti fuq l-ibħra qed jonoraw il-valuri tagħna."

Il-Kummissjoni qalet illi minkejja li l-Papa Franġisku ħeġġeġ liċ-ċittadini biex jimxu mill-indifferenza għas-solidarjetà, "huwa tad-dwejjaq li ninnutaw illi l-mewt ta' Loujin kienet milqugħa b'ħafna silenzju." 

Fl-istqarrija tagħha l-Kummissjoni tal-Knisja fakkret li minn Jannar li għadda xejn inqas minn 1,000 persuna li kienet qed tfittex l-ażil tilfet ħajjitha fil-Mediterran, minkejja li tisħaq illi dawn l-imwiet qatt ma jispiċċaw fuq l-aħbarijiet. "Jidher illi drajna b'dawn it-traġedji u telf ta' ħajja. Meta dawn jgħajjtu għall-għajnuna, jidher li ħadd ma jkun qed jisma'. U jekk qed nisimgħu jidher li ħadd ma jimpurtah biżżejjed biex jagħmel xi ħaġa dwarha," sostna il-President tal-Kummissjoni Daniel Darmanin. 

Huwa qal li l-kwistjoni tal-immigrazzoni hija waħda kumplessa u kkumplikata, iżda kompla jgħid li meta jirrigwarda s-salvataġġ "ma għandna qatt ninsew verità sempliċi: Ma hemmx bnedmin li iktar jixraqilhom kunsiderazzjoni, kura u protezzjoni daqs l-oħrajn. Meta hemm il-ħajja fir-riskju, kollox isir sekondarju," temm l-istqarrija Darmanin. 

 

More in Politika