Bnadi mitluqa, abbandunati jew moħlija: Il-villaġġ fantażma fil-Forti Sant'Iermu

Malta hi gżira żgħira, u ma tridx tkun bozza tal-għerf biex tinduna li l-ispazju hu wieħed pjuttost limitat. Allura bi sfida bħal din, tiflaħ Malta tkompli tħalli l-artijiet u binjiet abbandunati bħal donnhom monumenti ta’ telqa, abandun u apatija? Illum inħarsu lejn il-Forti Sant’Iermu 

Ra quddiem wiċċu attakki fuq attakki, demm tal-għadu u anke ta’ uliedu, ra d-devozzjoni tal-ikbar ġellieda u l-mewt tal-akbar mexxejja. Għalkemm mhux kollu użat, għadu jipproteġi teżor li Malta tgħożż ... Il-George Cross. Għal ħafna snin offra wkoll refuġju lid-dilettanti tal-Karnival. Din hi l-istorja tal-Forti Sant'Iermu.   

Il-Kappella Sant Anna ġewwa Sant'Iermu
Il-Kappella Sant Anna ġewwa Sant'Iermu

Il-qtil makabru tal-Kavallieri ġewwa l-Kappella ta’ Sant’Anna u l-vendetta fuq Dragut 

Imsemmi għall-qaddis patrun tal-baħħara insibu lil Forti Sant'Iermu, jserraħ bi kwietu ġewwa l-Belt Valletta u jitfa’ ħarstu fuq Marsamxett u l-Port il-Kbir. 

Ħafna huma dawk li jaħsbu li l-Forti nbena mill-Kavallieri meta nbniet il-Belt Valletta iżda dan mhux minnu. Biss biss, qabel il-wasla tal-Kavallieri ta’ Malta fl-1530, kien diġà jeżisti torri tal-għassa fl-istess post. Tliet snin wara li waslu l-Kavallieri dawn bdew isaħħu din il-fortizza. 

Fil-bidu tagħhom ġewwa Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann sabu posthom fil-Birgu u l-Forti Sant’Anġlu. Madankollu mal-ewwel indunaw li mil-lat militari strateġiku kien jeħtieġ difiża fuq il-Port il-Kbir. Dan seta’ jseħħ biss b’forti fil-ponta tal-peniżola tal-Għolja Sceberras. 

Imma dawn kienu biss pjanijiet fil-bidu, b’proposta wara oħra quddiem il-Gran Mastru De Homedes jaqgħu fuq widnejn torox minħabba li l-Ordni kien f’qagħda finanzjarja ħażina ħafna. Kellhom ikunu l-Forzi Taljani taħt Fra Leone Strozzi biex fl-aħħar jibda’ x-xogħol. 

Il-Kavallier Fra Leone Strozzi
Il-Kavallier Fra Leone Strozzi

Għall-ewwel bdew jaħdmu sew fuq dan il-forti iżda fl-1551 sar attakk mill-kmandant navali Musulman, Turgut Reis, magħruf aħjar minna l-Maltin bħala Dragut, li biddel il-ħsieb tal-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien.  

Dan Dragut kien donnu iffisat fuq Malta. Il-fatt li l-Gvernatur ta’ Għawdex Giovanni Ximenes fl-1544 qatillu lil ħuħ ma tantx għen. Ġara li fl-1551, it-Torok baħħru b’kull saħħa li kellhom lejn il-Port ta’ Marsamxett. Iżda sabiex jagħmel vendetta minnhom, dar fuq il-gżira oħt u beda jisraq b’kemm Alla tah saħħa skjavi. Tajjeb insemmu li dak iż-żmien, Kemmuna kienet l-agħar post li tista’ tiffrekwenta għax kienet taħt idejn il-pirati, allura li l-Maltin jmorru jaqbżu għal ħuthom f’Għawdex kienet naqra impossibli. 

Dan kollu kien prova ċara, għal Gran Mastru Spanjol Juan de Homedes, li l-forti għandu jiġu rinfurzati u estiż sabiex jkun il-Forti Sant’Iermu li jħares fuq kull naħa tal-peniżola tal-Belt Valletta. Fil-fatt, fl-1552, il-Kavallieri xammru l-kmiem u fi żmien erba’ xhur bnew il-Forti. Ħadu ħsieb ukoll li l-Kappella ta’ Sant Anna, mibnija lura fl-1448, tiġi protetta mis-swar bit-tama li hi tipproteġihom fil-futur. Il-Forti kien ir-residenza ta’ madwar 150 Kavallier, 600 suldat u 60 skjav.  

Il-Gran Mastru Juan de Homedes
Il-Gran Mastru Juan de Homedes

Il-Forti Sant'Iermu kien protagonist fl-Assedju l-Kbir tal-1565. Minkejja l-attakki kontinwi fuqu, kien irnexxielu jiflaħ għal bumbardamenti Torok sakemm fit-23 ta’ Ġunju tal-1565, it-Torok għalqu l-aħħar ftit Kavallieri li kien baqa’ fil-forti ġewwa l-kappella, u wieħed wieħed qatluhom quddiem il-pittura tal-Madonna b’binha fuq ħoġorha. Dakinhar l-ebda Kavallier ma salva iżda disa’ Malti qabdu l-baħar sal-Forti ta’ Sant’Anġlu u għalhekk kienu l-unika nies li salvaw l-attakk. L-Ottomani ħakmu l-Forti Sant’Iermu u minn hemm bdew l-attakki tat-Torok fuq il-forti ta’ faċċatta, dak li issa nafuh bħala Tigne.  

Iżda Sant’Iermu ma ċediex qabel ma ra l-mewt ta’ Dragut. Waqt il-bumbardament kanun mill-Forti Sant Anġlu spara tul il-Port il-Kbir u laqat l-art qrib il-batterija Torka. Tkissret il-quċċata taz-zuntier tal-Forti u fdalijiet mill-impatt weġġgħu lill-Dragut u ħallewh imut fix-xemx taqli ta’ Ġunju.  

Il-mewt ta' Dragut. Pittura ta' Giuseppe Calì, li turi l-mewt ta' Dragut ġewwa Sant Iermu
Il-mewt ta' Dragut. Pittura ta' Giuseppe Calì, li turi l-mewt ta' Dragut ġewwa Sant Iermu
Il-mewt ta' Dragut. Pittura ta' Giuseppe Calì, li turi l-mewt ta' Dragut ġewwa Sant Iermu
Il-mewt ta' Dragut. Pittura ta' Giuseppe Calì, li turi l-mewt ta' Dragut ġewwa Sant Iermu

L-Ottomani ċedew f’Settembru, propju fil-festa tal-Bambina. Il-Forti nbena mill-ġdid u ġie integrat fis-swar tal-Belt il-ġdid, il-Belt Valletta. Il-pjanijiet għall-bini mill-ġdid tal-Forti kienu f’idejn it-Taljan Francesco Laparelli. Magħruf għat-toroq forma ta’ gradilja ġewwa l-Belt Valletta, Laparelli ħa ħsieb li jżomm id-disinn oriġinali fil-forma ta’ stilla fil-Forti iżda b’ħitan aktar b’saħħithom u fosos aktar fondi. 

Fl-1689 serje ġdida ta’ fortifikazzjonijiet magħrufa bħala s-swar Carafa ġew iddisinjati minn Don Carlos de Gruninberg u mibnija taħt is-superviżjoni tal-inġinier militari Franċiż tal-Ordni, Mederico Blondel. Wara, il-Gran Mastru Pinto ħaseb għal barakki madwar il-pjazza u xelter għan-nisa, tfal, u ikel f’każ ta’ assedju ieħor. 

Sant’Iermu jservi bħala bażi navali għall-Ingliżi 

Meta waslu l-Ingliżi, il-forti reġa’ sab ruħu bħala l-protagonist tal-Belt Valletta.  

Il-foss tal-Forti kien jospita l-Ġonna Botaniċi li kienu jipprovdu sors ta’ pjanti mediċinali għall-Iskola tal-Anatomija. Dawn il-ġonna aktar tard ġew trasferiti lejn il-Furjana fil-bidu tas-seklu 19. 

Fis-sekli 19 u 20, il-Port il-Kbir kien bażi navali għall-Ingliżi. Fl-1900 bdew isiru pjanijiet biex jinbena breakwater u jipproteġi l-port kemm mill-ibħra kif ukoll mill-għadu. Dan ġie mibni mill-ġebla tal-franka u l-konkos, u kien jikkonsisti f’żewġ sezzjonijiet b’fanal fuq kull tarf.  

L-ikbar punt kien marbut mal-Forti Sant’Iermu, bl-iżgħar punt marbut mal-Forti Ricasoli. L-offerta biex jinbena l-breakwater inħarġet fl-1902, u ntrebħet minn S. Pearson & Sons. L-ewwel ġebla tpoġġiet mir-Re Edward VII fl-20 ta’ April 1903, ix-xogħol beda fl-1905 u tlesta fl-1910. L-ispiża totali tal-breakwater kienet madwar £1 miljun. 

Fil-forti kien hemm ukoll fanal għoli li kien bħal gwida għall-vapuri deħlin. Dan il-fanal twaqqa’ fl-1940 għal raġunijiet ta’ sigurtà peress li kien se jispiċċa jservi bħala punt ta’ referenza għall-ajruplani tal-għadu. 

Jibqa’ mnizzel fl-istorja l-ewwel attakk mit-Taljani fil-11 ta’ Ġunju tal-1940 fejn tilfu ħajjithom sitt artilleri Maltin. Madankollu, il-Forti kellu rwol importanti fit-telfa tat-Taljani f’attakk tal-baħar fis-26 ta’ Lulju 1941 fuq il-Port il-Kbir. 

Decima Flottiglia MAS, kienet flotta tan-Navy Taljana fit-Tieni Gwerra Gwerra
Decima Flottiglia MAS, kienet flotta tan-Navy Taljana fit-Tieni Gwerra Gwerra

Dakinhar il-flotta Taljana, Decima Flottiglia MAS, nediet attakk fuq il-port bl-użu ta' dgħajjes. Wieħed minnhom suppost kellu jattakka l-pont, ħalli jagħti mod lill-bastimenti l-oħra jidħlu jattakkaw ġewwa l-port. L-element ta’ sorpriża ntilef meta l-Ingliżi skoprew l-attakk permezz tar-radar. 

Il-Port il-Kbir fi żmien l-Ingliżi
Il-Port il-Kbir fi żmien l-Ingliżi

L-attakk fuq il-pont beda madwsar il-5:00.a.m. L-ewwel splussivi li għamlu t-Taljani ma splodewx u għalhekk bdot ta’ dgħajsa splussiva daħal bil-kontra tal-isplussiv f’missjoni suwiċidjali għall-aħħar. 

Mal-isplużjoni tal-bdot, intlaqtet waħda mill-kolonni tal-pont u din splodiet l-isplussivi ta’ qabel. Il-pont iġarraf b’tali mod li mblokka għal kollox id-daħla tal-Port il-Kbir. Hawn il-batteriji stazzjonati fil-Forti Sant’Iermu ħatfu l-okkażjoni u fetħu n-nar fuq l-attakkanti, bil-biċċa l-kbira tal-bastimenti jinqerdu għal kollox. 

Sintendi l-istorja tal-Gwerra Dinjija ma tiqafx hemm. Għaldaqstant interesanti kif, ġewwa l-ħitan tas-swar tal-Forti Sant'Iermu hemm midfuna żewġ uffiċjali distinti Ingliżi li huma l-Ġeneral Ralph Abercrombie u l-ewwel Gvernatur Ingliż ta' Malta, Alexander Ball. 

Il-glorjuż Sant’Iermu jibqa’ jservi anke jekk nofsu mitluq 

Fl-1978, il-produttur tal-films Ingliż rinomat Alan Parker, ġibed il-film ‘The Midnight Express’ ġewwa l-Forti Sant’Iermu. Il-film huwa ambjentat fit-Turkija iżda l-Gvern Tork ma tahx il-permess biex jiġbed f’Istanbul u allura ġibed kollox fil-partijiet ta' isfel tal-Forti Sant’Iermu. 

Il-Forti San Iermu akkomoda wkoll l-Akkademja tal-pulizija bejn l-1988 u l-2013. Fl-2008 il-World Monuments Fund kien poġġa lill-Forti Sant’Iermu fuq il-lista tal-100 l-aktar żoni fil-periklu li jintilfu minħabba d-deterjorament kawża ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni. 

L-intenzjoni li tinbena replika tal-pont, li kien iġarraf mit-Taljani fit-Tieni Gwerra Dinjija, fl-2007. Madankollu, deher evidenti li r-rikostruzzjoni skont id-disinn oriġinali ma tkunx finanzjarjament fattibbli minħabba l-kwantità ta' azzar meħtieġ.  

Il-bini ta’ pont ġdid kien jifforma parti minn proġett akbar biex tiġi riġenerata l-Belt Valletta. Din kienet tinkludi d-deċiżjoni kontroversjali tar-rikostruzzjoni ta’ Bieb il-Belt u l-Lift tal-Barrakka, fost proġetti oħra. Il-pont ġie inawgurat fl-24 ta’ Lulju 2012 minn Austin Gatt, illi dak iż-żmien kien il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni. 

Il-pont il-ġdid illi nbena fil-Belt Valletta
Il-pont il-ġdid illi nbena fil-Belt Valletta

Intant, fl-2012, Heritage Malta bdiet xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-Forti Sant’Iermu. Ix-xogħlijiet fil-Forti Sant Iermu saru bl-għan li jbiddlu l-Forti storiki f’attrazzjoni turistika. 

Il-proġett ta’ €15.5 miljun, implimentat mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, kien ukoll parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.  

Waqt li l-Forti kien qed jiġi restawrat, saru xi sejbiet arkeoloġiċi importanti li kixfu diversi elementi tal-Forti oriġinali ta’ qabel l-1565. Din kienet sejba importanti għaliex ftit li xejn jeżistu fdalijiet tal-forti oriġinali, l-aktar peress li l-parti l-kbira tiegħu reġgħet inbniet minn Laparelli fl-1566 u għaddiet minn ħafna rinnovazzjoni bejn is-sekli 17 u 19. 

Forti Sant Iermu, il-parti restawrata
Forti Sant Iermu, il-parti restawrata

Wara xogħol estensiv ta’ restawr, il-Forti reġa’ fetaħ għall-pubbliku fl-2015 u issa jospita l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra li jkopri l-istorja ta’ Malta fi żmien il-gwerra. Huwa f’dan il-mużew li Malta żżomm il-George Cross, mogħti lill-popolazzjoni kollha ta’ Malta fl-1942 mir-Re Ġorġ VI għal qlubija tagħhom fi żmien it-Tieni Gwerra. 

Fil-bitħa ta’ barra tinsab ukoll il-Kappella ta’ Sant Anna fejn il-Kavallieri ġġieldu sal-mewt waqt l-Assedju l-Kbir. 

Imma l-glorjuż Forti Sant’Iermu ma jittranġax kollu... 

Wara l-gwerra, il-Forti Sant’Iermu baqa’ jaħżen fih tagħmir tal-gwerra inkluż it-trakkijiet, ajruplani u anke ambulanza. Għal xi żmien, il-Forti sar famuż mas-subien tal-iskejjel fil-madwar li kienu jmorru jilagħbu l-football ġewwa l-Forti. L-Ingliżi kienu ħallew warajhom żewġ lasti u s-subien Maltin dlonk għamluhom tagħhom.  

Partijiet mill-film 'Midnight Express'
Partijiet mill-film 'Midnight Express'
Partijiet mill-film 'Midnight Express'
Partijiet mill-film 'Midnight Express'
Partijiet mill-film 'Midnight Express'
Partijiet mill-film 'Midnight Express'

In-naħa ta’ isfel ta’ Sant’Iermu, fejn fih inħadem il-film Midnight Express, kien għamel żmien twil iservi, sa ftit snin ilu, bħala mħażen tal-Karnival fejn kienu jinħadmu l-karrijiet.  

Ix-xogħol għall-Karnival kien jinħadem f’kull kamra li kienet teżisti u li qabel kienu jservu bħala residenza għall-Ingliżi. Meta l-karru jibda jinbena, il-biċċiet kienu jitniżlu bil-ħabel mis-sulari ta’ fuq għal isfel.  

Fl-2014, id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kien qed jieħu ħsieb il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u hemm fejn għamlu tindif taż-żona. Kien stmat li b’kollox tneħħew 90 tunnellata skart, ekwivalenti għal 40 vann żgħir.  

Il-Gvern kien spjega kif dan l-iskart ma ġiex biss minħabba d-dilettanti tal-Karnival iżda wkoll minn persuni li okkupaw il-kmamar illegalment matul is-snin. L-iskart kien jinkludi fdalijiet ta’ armar tal-karrijiet, skart ta’ kostruzzjoni u biċċiet ta’ għamara. It-tindif innifsu sar bl-għajnuna tad-dilettanti tal-Karnival, fil-preżenza tal-Pulizija. 

F’Ottubru tal-2015 l-Gvern ħareġ espressjoni ta' interess għall-iżvilupp tal-parti t’isfel tal-Forti. F’Jannar tal-2016, il-konsorzju Sohum Wellness f’Dubaj issottometta l-interess tiegħu fis-sejħa għar-restawr, ir-rijabilitazzjoni, id-disinn u l-operat tal-parti ta’ isfel tal-Forti Sant Iermu. Ftit xhur wara, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, żvelat illi l-konsorzju kien “kumpanija rreġistrata f’Malta li l-għanijiet tagħha huma kompletament moħbija.” 

Il-proġett qatt ma sar u Sant’Iermu reġa’ tħalla mitluq tant li fl-2017, nirien ħakmu maħżen tal-Karnival magħruf bħala ‘tat-Titti.’ Fil-maħżen kien hemm karti u injam u għalhekk in-nirien inferxu mal-maħżen kollu pjuttost malajr. 

Filwaqt li l-parti ta’ fuq tal-Forti hija rrestawrata u tintuża anke għall-kunċerti u attivitajiet, il-parti ta’ isfel tal-Forti għadha kwieta, tistenna li terġa’ tingħata l-ħajja. 

More in Politika