F’post fuq Facebook nhar il-Ġimgħa, Carabott qal li “rabja” u “tradiment” huma ż-żewġ kelmiet li l-aħjar jiddeskrivu kif ħassu 24 siegħa wara li Farrugia tressqet il-qorti.
“Tista’ timmaġina kif tħossok, kieku int ġejt elett fil-Parlament għal ewwel darba - u wara 3 snin naħdmu u nressqu liġijiet kontra l-abbuż fl-infieq tal-fondi tal-poplu - taqra aħbar bħal dik?” kiteb Carabott.
Farrugia, kunsilliera tal-PN fis-Siġġiewi, ġiet akkużata fil-qorti nhar il-Ħamis b’abbuż ta’ fondi pubbliċi f’MCAST li jilħqu madwar €2 miljun. Il-pulizija, waqt ix-xhieda fil-qorti, spjegaw kif matul sentejn hi ħallset paga żejda lilha nfisha u kienu dettaljaw l-istil ta’ ħajja lussuż tagħha.
Ilbieraħ Farrugia rriżenjat mill-Kunsill tas-Siġġiewi u minn kull kariga li kellha fil-PN.
“Ir-riga fil-politika għandha tkun ogħla milli nistennew il-ħtija kriminali. M’għandnix naċċettaw jew noqgħodu kwieti, meta hemm allegazzjoni l-Qorti li qed tħammeġ il-politika tagħna,” qal Carabott, u żied li l-muta mhijiex għażla quddiem akkużi kriminali li qed iħammġu l-klassi politika.
Id-deputat tal-PN ma naqasx milli jikkritika lill-gvern Laburista, u qal li fis-snin li għaddew ma kien hemm ebda kundanna għal atti simili mwettqa minn nies fil-poter.
“Din hi d-differenza fl-istandards bejnietna,” sostna.
Farrugia kellha kariga għolja fid-dipartiment tal-pagi ta’ MCAST.
L-istil ta’ ħajja lussuż ta’ Farrugia, ffinanzjat mill-imġiba frodulenta tagħha, ma ħarabx minn Carabott, li qal li ħassu tradut mill-azzjonijiet tagħha.
“Meta aħna nitkellmu fuq il-weġgħat tan-nies - bħall-għoli tal-ħajja, id-diffikulta biex tixtri l-ewwel proprjetà, etc - aħna ngħixuhom. Kull kelma li għedna, inħossuha,” qal.
Carabott insista li f’mumenti bħal dawn, in-nies jistennew jaraw id-differenza bejn min jipproteġi l-ħażin u min jitbiegħed minnu.
“Jekk dak allegat hu minnu, Francine Farrugia mhux biss kellha tirreżenja kif għamlet - imma għandha tħallas għall-abbuż li twettaq. Anke sakemm jitneħħa kull dubju jew tinstab ħtija, għandha tibqa’ ‘l barra mill-politika,” qal Carabott.