Settembru qiegħed fuq l-għatba u sinonimu ma' dan ix-xahar huwa l-jum li fih infakkru l-indipendenza mill-ħakma Ingliża. Għal darb' oħra ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza se jkunu relattivament iżgħar minn dawk li ġeneralment ikunu organizzati mill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt il-gazzetta MaltaToday ġiet infurmata li din is-sena mhux se jsir mass meeting organizzat mill-PN fuq il-Fossos fil-Furjana, liema ċelebrazzjonijiet huma tradizzjoni tal-partit, iżda minflok se jsiru xi ċelebrazzjonijiet fl-akkwati.
Uffiċjal li tkellem mal-MaltaToday saħaq li mhux se jkun hemm stands tal-ikel jew ta' informazzjoni bħal ma kien isir qabel, iżda l-impenn tal-partit se jkun biex tiġi "elevata l-kwalità tal-attivitajiet". MaltaToday ġiet infurmata wkoll li l-ġurnalist Dione Borg se jkun inkarigat li jorganizza dibattitu iżda għadu mhux ċar jekk hux se jsiru attivitajiet oħra, dan hekk kif il-PN għadu qed jorganizza l-programm.
Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista għażel li jagħmel ċelebrazzjonijiet fuq skala iżgħar. L-aħħar ċelebrazzjoni fuq skala kbira li saru fuq il-Fossos kienu fl-2018, taħt it-tmexxija ta' Adrian Delia. Minkejja li ċ-ċelebrazzjonijiet kienu mqassma fuq ħamest 'ijiem b'attivitajiet sportivi, diskussjonijiet politiċi u party għaż-żgħażagħ, fl-Indipendenza Delia indirizza folla kemmxejn iżgħar minn dik tas-snin ta' qabel.
Tajjeb li nfakkru wkoll li għalkemm fl-2019 iċ-ċelebrazzjonijiet saru quddiem il-kwartieri ġenerali tal-PN, fl-2020 il-pajjiż kien għaddej minn pandemija b'diversi miżuri restrittivi. Fl-2021, Grech reġa' irrotrna fuq il-Fossos f'mass meeting ieħor, iżda dan kien limitat minħabba miżuri kontra l-imxija tal-Covid-19.