'Hawn ħafna imdejqin bl-iffullar u l-ħmieġ; Irridu nistaqsu jekk għandniex inkomplu nkabbru l-popolazzjoni'

Madwar ġimagħtejn ilu sondaġġ li jgħid illi l-Maltin irrabjati għamel ħafna ħoss. Imma dan veru? U l-Maltin veru rrabjati aktar minn nies ta nazzjonalità differenti? U ma hemmx sondaġġi oħrajn li juru illi aħna kuntenti, allura liema hija l-verità? Is-Soċjologu Michael Briguglio jitkellem mal-ILLUM... 

Dan l-aħħar qrajna ħafna dwar sondaġġ partikolari li qal li aħna l-Maltin irrabjati. Imma dan minnu? U dawn it-tipi ta' sondaġġi huma kredibbli? U jekk stess irrabjati, għaliex u fuq xhiex? U mhux kulħadd jirrabja xi kultant? Is-soċjologu Michael Briguglio mhuwiex daqstant impressjonat b'sondaġġi bħal dawn u jgħid li biex verament tkejjel is-sens ta' rabja trid tara numru ta' sondaġġi - b'oħrajn fil-fatt jagħtu verżjonijiet kontrastanti għal dak ta' ġimagħtejn ilu - kif ukoll ċerti indikaturi oħrajn, fosthom dawk ekonomiċi.  

"Le ma nistax nikkonkludi li aħna poplu rrabjat. Għalkemm naturalment hemm affarijiet li jdejjquna u li jirrabjawna bħala pajjiż. Imma kieku aħna daqstant poplu rrabjat, għaliex aħna fost l-iktar popli li nipparteċipaw fl-eżerċizzju demokratiku tal-elezzjoni? Kieku ma nafdawx lill-pajjiżna - u importanti hawn fuq il-pajjiż qed nitkellem mhux fuq Gvern - kif tant nies jibqgħu jinvestu fil-proprjetà f'Malta? Kieku ma hawnx fiduċja naraw fatturi ekonomiċi inkwetanti ħafna u mhux kull meta l-Gvern joħroġ il-bonds jinħatfu. Mhux issa ta, dejjem. Kont naħdem fil-Ministeru tal-Finanzi u malli joħorġu l-bonds tal-Gvern jinħatfu. Allura n-nies jafdaw fil-finanzi u fit-tmexxija finanzjarja tal-pajjiż," sostna Briguglio.  

Is-soċjologu beda billi ċċara li hemm differrenza bejn sondaġġ u ieħor u filwaqt li hemm dawk xjentifiċi u ta' min jorbot fuqhom u jelenka numru minnhom: Tal-Meditoday, dawk ta' Vince Marmara, dawk mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, dawk tal-Ewrobarometru u tant aktar, hemm oħrajn li jistaqsu mistoqsijiet "loaded." 

Briguglio ta eżempju bih innifsu: "Jiena żgur ma nqisx lili nnifsi bħala bniedem irrabjat, imma kieku xi ħadd jistaqsini lbieraħ kontx irrabjat probabbilment nwieġeb fil-pożittiv għax kien hemm xi ħaġa li rrabjatni." Huwa għamel referenza għall-fatt li minkejja kollox il-Maltin jibqgħu fost l-aktar popli parteċipattivi fit-tmexxija tal-pajjiż meta tasal elezzjoni u jisħaq li anke jekk fl-aħħar elezzjoni eluf iddeċidew ma jivvutawx (jew iħasru l-vot) wieħed ma għandux jasal għal konklużjoni ovvja għaliex ma vvutawx. Huwa jgħid li l-fatt li tant nies jipparteċipaw bil-vot tagħhom huwa indikatur partikolari.  

'Fl-istess post kien hemm protesta kbira kontra l-Gvern u party kbir, ftit żmien wara...' 

Indikatur ieħor, ikompli jispjega, huma l-protesti. Hawnhekk ifakkar li waqt li kienet għaddejja l-pandemija biss, biss saru madwar 70 protesta fil-pajjiż. "iżda anke hawn irridu naraw il-kuntest kollu. L-ewwelnett, per eżempju, meta rajna dawk il-protesti kbar fil-Belt Valletta li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern ta' Muscat fl-2019, vera dawk kienu nies irrabjati għall-Gvern. Fl-istess post eżatt, ftit ġimgħat wara, kien hemm 70,000 persuna li attendiet party (tal-Ewwel tas-Sena) u li kienu qed igawdu u jiddevertu. Allura aħna poplu rrabjat?" jistaqsi rettorikament Briguglio.  

Dan apparti li jfakkar illi skont sondaġġi li kienu ġew irrapportati fuq il-mezzi tax-xandir lokali jirriżulta li huma madwar 6% biss tal-Maltin li jattendu protesti. Fil-fatt huwa kien qed jikkwota sondaġġ ikkummissjonat minn The Times li juri illi fis-sena ta' qabel - jiġifieri matul l-2019 li matulha l-għaqda Repubblika organizzat nurmu kbir ta' protesti kontra l-Gvern - xorta kienu 6% biss li attendew protesta mqar darba.  

'Bil-midja soċjali hawn ħafna iktar spazju fejn persuna tista' ssemma' leħinha'  

Imma ma jħossx - kif wara kollox jinħass meta tiftaħ il-midja soċjali -  li hawn rabja palpabbli fuq l-istat tal-ambjent? U jħoss li din ir-rabja hija ġustifikata?  

Huwa jwieġeb li ma hemmx risposta waħda, għalkemm jgħid li ma hemmx dubju li r-rabja fuq ambjent hija evidenti fuq il-midja soċjali, "Biex inkunu għidna kollox ukoll illum hawn ħafna iktar mezzi li persuna tista' tuża sabiex issemma' leħinha. Meta kont attiv jiena fil-politika fis-snin 90 ma kienx hawn midja soċjali." Huwa kompla jgħid illi wieħed irid ikun attent ukoll meta jitkellem dwar "ir-realtà" tal-midja soċjali għax filwaqt li din tista' tkun miżien tajjeb li tkejjel ir-rabja fuq kwistjoni, jista' jkollha wkoll l-effett ta' bużżieqa soċjali.  

Imma Briguglio jaħseb li l-midja soċjali tirrifletti r-rabja jew tamplifikaha?  

Huwa jwieġeb illi bla dubju tgħin biex tamplifika. 

Jikkwota sondaġġ ieħor li jgħid illi juri kif minkejja li fuq il-midja soċjali "ħafna" nies jgħidulek li l-ONE u n-NET għandhom jgħalqu, fil-verità "ħafna jridu u jafdaw lil dawn l-istazzjonijiet. Dan lilhinn minn x'naħseb jiena."  

Huwa qal li r-rabja mhux dejjem faċli titkejjel mill-midja soċjali biss u fakkar kif fl-2017 - minkejja r-rabja ċara ta' ħafna fuq il-midja soċjali u minkejja li l-midja indipendenti kienet qed titkellem b'tant qawwa kontra l-korruzzjoni - il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat xorta kien elett mill-ġdid b'maġġoranza kbira. "Jiġifieri r-rabja espressa fuq il-midja soċjali u anke l-editorjali ċarament ma kinitx riflessa fost il-poplu."  

Briguglio kompli jgħid illi r-rabja tvarja wkoll u tista' tkun aktar lokalizzata. Semma' kif bħalissa f'Tas Sliema (Brirguglio huwa Slimiż) huma l-e scooters, il-kostruzzjoni u l-ħmieġ l-aktar li qed idejqu lin-nies.  

Filwaqt li semma' l-protesta f'Kemmuna u l-appoġġ li kiseb il-Moviment Graffitti, fakkar ukoll li l-Maltin - bħal ħafna fin-nofsinhar tal-ewropa - huma espressivi u ħafna iktar voċiferi minn dawk li jgħixu fit-tramuntana tal-Ewropa. "Imma dan ma jfissirx li ma hemmx problemi. Fil-pajjiżi tat-tramuntana għandek rata ogħla ta' suwiċidju, per eżempju. Xi ħaġa li turi li hemm aspett fis-soċjetà li mhux jaħdem sew." 

Tgergir kbir fuq l-ambjent, imma investiment kbir fil-proprjetà... 

U huwa f'dan il-punt li jerġa' jdur fuq l-ambjent. "Jiena naqbel iva li hawn rabja. Imma fl-istess pajjiż fejn qed naraw rabja fuq l-ambjent u l-kostruzzjoni, qed naraw ukoll tant u tant nies jinvestu fi proprejtà u bini. U mhux qed nitkellmu dwar il-Gasanijiet u l-Portellijiet hawn, imma familji li jixtru biex jikru appartament jew jitfgħuh fuq l-Airbnb jew inkella biex iħallu dik il-proprjetà lil uliedhom," sostna s-soċjologu.  

"Mela fl-istess pajjiż fejn hawn din il-problema - u jiena nemmen li l-problema ambjentali hija l-akbar waħda li qed jiffaċċja pajjiżna - aħna l-poplu ninvestu fil-proprjetà. U ma rridx ngħid li jagħmlu ħażin imma min qed jinvesti fil-proprjetà fl-aħħar mill-aħħar qed jgħin biex isir aktar żvilupp," ikompli jispjega Briguglio.  

Mistoqsi minn l-ILLUM huwa jirrifjuta li jsejjaħ dan ipokrezija u ma jaqbilx lanqas li kull min huwa mħasseb fuq l-ambjent ma jinvestix fil-bini, jew il-kontra, jiġifieri kull min jinvesti fil-bini ma jinteressahx mill-ambjent. "Il-moraliżmu inħallih għal moralisti," jibda jirrispondi Briguglio li jgħid li filwaqt li hemm ftit nies li ma jinvestux fil-bini, proprju minħabba l-kwistjoni tal-ambjent, ħafna oħrajn għandhom kuxjenza ambjentali imma jekk ikollhom ċans itellgħu sular jew jibnu pixxina, dan jagħmluh.  

"Jiena nemmen li għandna ideat u soċjetà pluralista, fejn persuna mhijiex nazzjonalist jew laburist u daqshekk, biex nagħti eżempju" qal Briguglio li ddeskriva dik Maltija bħala soċjetà li qed tikber, li qed timmodernizza u li qed titħabat mar-realtà tal-konsumeriżmu.  

"Imma ejja ngħidu persuna jkollha flus li taqla' b'wirt u tinvesti fi proprjetà għal uliedha, ma jfissirx li hija ipokrita," qal is-soċjologu, li kompla jisħaq li hija "problema soċjali kbira" dik tal-kostruzzjoni pero' li trid tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-fatt li l-Maltin jinvestu fil-bini.  

'Irridu nistaqsu jekk pajjiżna jiflaħx għal dawn in-nies kollha' 

Xi kultant jingħad li l-Maltin igergru wisq (Maltese gemgem), imma jemmen li dan huwa minnu? Jemmen li huwa daqs jew aktar mit-tgergir li tisma' f'pajjiżi oħrajn?  

Huwa jisħaq li tgergir minn dejjem kien hawn fuq kwistjonijiet differenti, iżda l-midja soċjali tfisser li dan għandu pjattaforma diġitali.  

Huwa qal li huwa veru li bħalissa hawn ħafna tgergir fuq il-ħmieġ, anke jekk jgħid li hawn ħaddiema tal-Gvern għaddejjin il-ħin kollu jnaddfu. "Jiena domt fil-Kunsill Slimiż. Qabel ma kienx hawn in-nies li hawn illum inaddfu, u  xorta mhumiex ilaħħqu. Pero' jiena Brussell immur ukoll u ġieli saqqijiet rajt mal-art u ħmieġ li hawn Malta ngergru dwaru," sostna mal-ILLUM.  

Ikun hawn li jaqbad mal-kwistjoni tal-ispazju (jew nuqqas tiegħu) fil-pajjiż. Jisħaq illi huwa jemmen li t-tkabbir tal-ekonomija permezz tat-tkabbir tal-popolazzjoni hija problema. "Mhux il-barranin il-problema, ħa nkun ċar - ħallieha li jkun hemm kulturi jew mentalitajiet problematiċi xi kultant - imma nemmen li l-problema hija dik relatata ma' sostenibbilità." 

Huwa semma l-iżbroff tad-drenaġġ fil-baħar f'Tas Sliema f'ċerti żoni dan is-sajf għal darba, darbtejn u qal illi ħafna ambjentalisti kienu ilhom snin jgħidu li meta nkabbru u nibnu u ma nqabblux dan ma' investiment kif meħtieġ fl-infrastruttura se jkun hemm problemi, bħal dawk relatati mad-drenaġġ.  

"Irridu nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex inkomplu nkabbru l-popolazzjoni u rridu nistaqsu jekk pajjiżna jiflaħx għal dawn in-nies kollha."  

Imma jemmen li r-realtà jew perċezzjoni ta' ffullar qed jikkontribwixxi għal din ir-rabja?  

Briguglio jibda billi jissottolinea illi l-perċezzjoni hija importanti fil-kalkolu tar-realtà li qed iħossu n-nies.  

"Jiena iva, naħseb li hawn ħafna Maltin imdejqin bl-iffullar u ħmieġ kullimkien... imma għal darba oħra, biex nużaw is-sondaġġi bħala kejl, ħafna drabi imbagħad l-ambjent ma jkunx fost l-aktar kwistjonijiet li jinkwetaw lill-Maltin, kuntrarjament għall-immigrazzjoni u traffiku - li wieħed jista' jorbot ukoll mal-iffullar - u bħalissa l-għoli tal-ħajja." 

Huwa appella lill-awtoritajiet - kemm bħala soċjologu, imma anke bħala persuna li għal ħafna snin kien involut fil-politika, biex il-policies jkunu mibnijin fuq is-sostenibbilità u wara li jsir assessjar tal-impatt soċjali. "Il-policies isiru wara li tinġabar l-evidenza mhux skont lil min taf jew min hu kanvasser ta' min," qal Briguglio.  

Mal-ILLUM Briguglio temm jgħid li Malta - bħala soċjetà li qed timmodernizza u tikber - hija wkoll waħda b'identitajiet kontradittorji. Huwa qal li ma jara assolutment xejn ħażin li jkun hawn min igerger u li dak it-tgergir jingħata spazju fuq il-midja indipendenti.  

"Tajjeb li ngħarfu li hemm problemi, importanti li nieħdu azzjoni."  

More in Politika