Min iħaddem iwissi: L-għoli tal-ħajja se tkompli tisplodi b'COLA kbira

Mal-ILLUM l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem twissi illi b'COLA li tkun għolja ħafna, prezzijiet li jippersistu kif inhuma u dubji dwar aktar sussidji fl-2023, il-pajjiż jaf jesperjenza "mewġa ġdida" ta' inflazzjoni f'Jannar, b'rati li jaqbżu l-10%

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem Joseph Farrugia, f'kummenti mal-gazzetta ILLUM, qal illi kif sejrin l-affarijiet u bil-COLA kif jidher li ser tkun - jekk il-prezzijiet minn barra ma jikkalmawx - l-inflazzjoni tista' tilħaq jekk mhux taqbeż l-10% fil-bidu tas-sena d-dieħla. "L-ekonomija Maltija hija magħmula minn ħafna negozji żgħar li jħaddmu ftit nies (mikro-intrapriżi) u li ħafna minnhom diġà qed jiffaċċjaw problemi ta' materja prima u għoli fil-prezzijiet. Huwa ovvju li l-€10 f'COLA kull ġimgħa lil kull ħaddiem - jekk tkun daqshekk -  se tgħaddi għand il-konsumatur u allura jkollna mewġa oħra ta' inflazzjoni," sostna Farrugia mal-ILLUM.

Huwa kompla jgħid li jekk ma jikkalmawx ftit il-prezzijiet minn barra - xi ħaġa li wera' dubji serji li sseħħ - fil-bidu tas-sena l-inflazzjoni tiżdied sew anke għax l-MEA "ma tarax li huwa possibbli li l-Gvern jibqa' jissussidja l-enerġija u ċ-ċereali, kif qed jagħmel bħalissa. Kemm minħabba l-ispiża u anke għax il-Gvern kien diġà indika li din kienet xi ħaġa temporanja," qal Farrugia mal-ILLUM. 

Joe Farrugia
Joe Farrugia

Huwa għamilha ċara li l-MEA mhix kontra l-COLA u lanqas qed tgħid li taqbel li l-mekkaniżmu jinbidel jew inkella li l-COLA ma tingħatax lil kulħadd. Sostna illi l-assoċjazzjoni minn dejjem kienet konsistenti fuq din il-materja u fakkar li anke l-unjins ġieli talbu li jkun hemm bidliet f'dan il-mekkaniżmu, fosthom fil-basket ta' prodotti li permezz tiegħu jiġi kkalkulat l-ammont u anke d-drabi li għandha tingħata l-COLA. 

Minkejja dan, huwa qal li l-Gvern għandu jaħseb f'miżuri li jgħinu lin-negozji jilqgħu kemm jista' jkun għad-daqqa li se tagħti l-COLA, speċjalment jekk din tiġi kkalkulata għal rekord. Fost il-miżuri qed jipproponi li fejn jista' l-Gvern jagħti inċentivi marbutin mat-taxxa, filwaqt li qal illi fejn negozji jkollhom problemi serji u allura jkun ifisser li l-COLA tkun piż wisq kbir, ikun hemm negozjati bejn il-unjins u l-kumpanija. 

"Inti immaġina jkollok post tax-xogħol fejn sar ftehim kollettiv li permezz tiegħu ħaddiem ħa żieda ta' €10 fil-paga. Jekk il-COLA tkun €10, dan ifisser li min jimpjega f'daqqa waħda jrid joħroġ €20 kull ġimgħa għal kull ħaddiema," qal Farrugia. COLA ta' €10 - li tkun rekord assolut fl-istorja tal-mekkaniżmu u li jirrifletti r-rati għoljin ħafna ta' inflazzjoni - tkun tfisser €520 aktar fis-sena għal kull ħaddiem.

Kienet il-gazzetta The Times li rrappurtat kif il-COLA hemm ċans tkun qrib l-€10 meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-"basket" ta' prodotti li fuqu tiġi kkalkulata. Skont l-istess rapport l-aġġustament bħalissa huwa ta' €9.10 iżda jogħla għal madwar €9.90 kull ġimgħa sal-baġit, sa liema żmien l-prezzijiet mistennija jibqgħu jogħlew. 

Il-COLA hija mekkaniżmu li jara illi jikkumpensa lill-ħaddiema biex dawn ikollhom l-istess saħħa ta' flus u paga u fil-verità mhijiex żieda fil-paga għax hija kkalkulata fuq kemm persuna tkun qed toħroġ iktar flus biex tixtri s-servizzi u prodotti li jinsabu f'dan il-"basket" ta' prodotti. F'dan il-Baġit il-Gvern mistenni jħabbar COLA rekord hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni laħqet l-ogħla livelli fi snin twal u qed tiżdied b'rata mgħaġġla ħafna. Fil-fatt din il-ġimgħa stess ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew kif l-inflazzjoni f'Lulju ta' din is-sena kienet ta' 6.8%, meta din kienet biss 0.3% f'Lulju tal-2021 - qabża kbira ħafna ta' 6.5%. Fl-2020, fl-istess xahar ta' Lulju l-inflazzjoni kienet ta' 0.7%. 

L-ogħla rati ta' inflazzjoni f’Lulju li għadda ġew irreġistrati fl-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (11.8%). Dan frott tal-prezzijiet ogħla fil-laħam u prodotti derivati mil-laħam. Din ir-rata kkontribwiet għall-ikbar impatt fl-inflazzjoni annwali b'2% f'temp ta' xahar.

'Il-Gvern diġà qed jgħin lil min iħaddem'

Mal-ILLUM, tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja li fakkar illi meta l-COLA ġieli kienet 58 ċenteżmu jew €1.25 l-unjins qatt ma pproponew li tkun aktar u allura sostna li issa għax se tkun għolja - minħabba inflazzjoni għolja - ma tagħmilx sens u ma jarahiex ġusta li jkun hemm min jipproponi li ma għandhiex tingħata sħiħa. 

Mistoqsi kif jaħseb li din il-kwistjoni se taffetwa l-kompettività ta' kumpaniji, speċjalment dawk żgħar, Bugeja fakkar li l-Gvern diġà qed jgħin lil min iħaddem, billi fost oħrajn, qed jissusidja l-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali u allura jżomm il-materja prima jew inkella l-kontijiet tad-dawl irħas milli suppost ikunu. "Allura dan ifisser li l-Gvern diġà qed jagħti vantaġġ kompetittiv lill-impjegaturi Maltin, meta tikkumpara ma' dawk ewropej. Imma fl-aħħar mill-aħħar irrilevanti mill-argumenti tal-kompetittivtà l-mekkaniżmu qiegħed hemm biex jindirizza l-purchasing power tal-ħaddiema," sostna Bugeja. 

Huwa qabel li jekk għandu jinbidel il-mekkaniżmu, dan isir wara diskussjoni u qbil bejn l-imsieħba soċjali. 

Josef Bugeja
Josef Bugeja

Bugeja temm jgħid li ma jaqbel xejn mal-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ li tgħid illi min għandu ftehim kollettiv ma jingħatax iż-żieda, ladarba meta jkun hemm ftehim kollettiv dan ikun diġà jistipula jekk żieda maqbula fil-ftehim tinkludix jew le l-COLA. Qal illi ħafna drabi fil-każi ta' ftehim kollettiv mal-privat il-COLA ma tkunx inkluża fiż-żieda mogħtija u allura tkun trid tingħatax separatament. 

Il-Kamra Tal-Kummerċ - fil-proposti tagħha tal-Baġit qalet illi l-COLA għolja ħafna se twassal għall-effetti inflazzjonarji u aktar għoli tal-ħajja. Għalhekk ippropopniet li dawk il-ħaddiema li diġà ħadu żieda permezz ta' ftehim kollettiv fl-aħħar sena ma jirċevux COLA. 

Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Andrew Agius Muscat sostna li għalissa jippreferi jistenna biex jiddiskuti mal-Gvern, u biex is-sitwazzjoni tal-COLA tkun aktar ċara milli hi. Huwa qal ukoll li fiż-żmien li ġej l-MHRA se tkun qed tagħmel il-pożizzjoni tagħha dwar il-baġit u anke dwar il-mekkaniżmu tal-COLA ċara. 

More in Politika