‘Kont kontra l-abort 100%, sakemm ġejt bżonnu jien’ - Iċ-ċifri, il-politika u l-kuntest tad-diskussjoni dwar l-abort f’Malta

Ma taqbilx li tintilef ħajja? U jekk l-omm tkun qed tmut? Tqala ektopika, għaliex hi meqjusa abort? Il-politiku x’se jagħżel; l-abort jew il-voti? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn każi differenti ta’ abort f’pajjiżna, fl-Irlanda u fl-Istati Uniti

L-abort kważi dejjem iqajjem ħafna diskussjoni taħraq. Uħud jibdew taħt xi kumment fuq Facebook u oħrajn jikkawżaw ġlieda sħiħa bejn il-familja fuq il-mejda tal-pranzu. Fi ftit kliem u kif jiddiskrivuh ħafna politiċi inkluż dan huwa “suġġett sensittiv ħafna.” Tant hu sensittiv li meta d-Deputat Laburista Cressida Galea kienet mistoqsija fuq l-abort fuq il-program tad-Dekan tal-Università Andrew Azzopardi ma riditx tagħti l-opinjoni tagħha, bħal prattikament il-bqija tal-Parlament. 

Il-gazzetta ILLUM ilha dawn l-aħħar xhur tagħti ħarsa lejn dan is-suġġett, tant li nhar il-15 ta’ Mejju 2020 żvelat kif 53% tan-nisa li xtraw il-pirmli abortivi kienu miżżewġa u bit-tfal. L-ILLUM segwiet ukoll l-istorja ta’ Andrea Prudente u s-sieħeb tagħha li xandret lil Malta ma’ kull kantuniera tad-dinja. Din żgur ma kinitx parti mill-investiment ta’ marketing li tant stinka fuqu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.  

F’dan l-artiklu l-ILLUM tanalizza x’tipi ta’ abort isir u għaliex ħafna jiddiskrivuh bħala dritt mediku, l-abort madwar id-dinja, il-kwistjoni ta’ Roe vs Wade u jekk Malta hux lesta li tibda’ toffri l-abort, u kif. Apparti minn hekk l-ILLUM tagħti ħarsa lejn stejjer ta’ nisa li għamlu abort, u uħud li qabel ma għamlu abort huma stess, kienu kontra 100%. 

L-abort f’Malta: Il-politika, l-iskejjel u l-opinjoni pubblika

Kulħadd għandu l-opinjonijiet tiegħu u dan huwa dritt fundamentali. Madankollu ħafna jattribwixxu n-nuqqas ta’ diskussjoni sensibbli għax proprju fuq dan is-suġġett Malta hi maqsuma fi tnejn, żewġ estremitajiet.  

X’imkien fin-nofs hemm il-Partit Laburista, li minkejja li ma ħariġx favur l-Att tal-eks deptutat Marlene Farrugia, biex ikun dekriminalizzat l-abort, lanqas eskluda li fil-futur jagħmel dan. Il-PN min-naħa tiegħu jeskludi anke d-dekriminalizzazjoni ta’ nisa li jirrikorru għall-abort, bil-Kap preżenti saħansitra kien qal li, “ma hemmx post għal min hu favur l-abort fil-PN". Min naħa l-oħra l-ADPD – The Green Party u l-partit Volt fl-aħħar elezzjoni ġenerali espremew ruħhom favur l-abort.  

Tajjeb li nfakkru wkoll li fl-aħħar tas-sena 2021 ftit qabel ma ngħatat ir-riżenja ta’ Justyne Caruana - dak iż-żmien Ministru tal-Edukazzjoni - qamet kontroversja kbira hekk kif għalliema tar-reliġjon kienu qed juru vidjos grafiċi lil tfal tas-sekondarja ta’ feti li tneħħew mill-utru, ovvjament permezz ta’ abort. 

L-għaqda ‘Parents for Choice’ kienet tkellmet ma’ Caruana u qalet li filwaqt li huwa ovvju li lezzjonijiet tar-reliġjon mhux se jkunu favur l-abort, lanqas għandhom jippreżentaw realtajiet foloz u mhux realistiċi ta’ abort. 

Minkejja li l-Ministeru għandu linji gwida fuq ċertu filmati jew ritratti grafiċi - u li ġeneralment ma jinkoraġixxihomx - qal li l-edukatur huwa liberu li jagħżel ir-riżorsi li jemmen li huma tajbin skont il-lezzjoni rispettiva.  Każ bħal dan kien diġà seħħ lura fl-2017 u dak iż-żmien il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien qal li se jevalwa l-materjal li ntuża. 
Ħafna kienu rrimarkaw li xi ħaġa bħal din tkompli tixhed li pajjiżna għandu nuqqas ta’ edukazzjoni xierqa fuq is-saħħa riproduttiva u finalment hija din li taghmilha aktar diffiċli biex il-poplu jifforma opinjoni infurmata, mingħajr ma jaqtgħu l-kundanna. 

L-aħħar ċifri fuq l-opinijoni pubblika f’Malta dwar l-abort

F’pajjiżna għad hawn ħafna persuni li sa’ llum għadhom kontra l-abort, fil-fatt skont sondaġġ ippubblikat fil-gazzetta MaltaToday nhar il-15 ta’ Lulju li għadda, irriżulta li 61.8% tal-parteċipanti huma kompletament kontra l-abort.

Propju fuq hekk, xi nies jemmnu li Malta għandha l-kultura ta’ ‘mis-subgħa jieħu l-id' u li jekk l-abort jiġi ntrodott f’pajjiżna, in-nies jibdew jirrikorru għalih bħal drive-through ta’ xi stabbiliment tal-ikel. Fil-verità din ma narawha fl-ebda pajjiż ieħor li fih l-abort huwa legali.
Min din l-istatistika, deher biċ-ċar ukoll li minkejja li l-maġġoranza ma jaqblux 27.8% jaqblu li jsir abort f’ċirkostanzi straordinajri, bħalma jiġri fi tqala ektopika jew jekk ma jkun hemm ebda tama’ li t-tarbija issalva u riskju li tmut l-omm. 

Min-naħa l-oħra diversi għaqdiet ‘pro-choice' madwar id-dinja jemmnu li l-abort għandu jkun parti minn sistema ħolistika u li mal-aċċess tal-abort, il-Gvernijiet għandhom jassiguraw li jkun hemm għarfien fuq il-kontraċettivi u aċċessibilità għalihom, sistema ta’ adozzjoni u fostering b’saħħitha u fuq kollox aktar edukazzjoni fuq is-saħħa riproduttiva. Dan għaliex mingħajr ebda protezzjoni, mal-possibilità ta’ tqala hemm ukoll possibilità ta’ mard trasmess sesswalment (STI), li sussegwentament jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet fis-saħħa.

‘Jiddispjaċini ħafna jekk bi kliemi xi darba weġġajt lil min għadda milli għaddejt jien u ma setax juri’ 

Issa li qbadniha fuq l-edukazzjoni huwa importanti li wieħed jagħmel distinzjoni bejn abort u ieħor u dan ivarja skont is-sitwazzjoni li l-omm – f'ħafna każi, il-ġenituri - tkun tinsab fiha. 

Uħud jemmnu li mara tixtieq tagħmel abort biex it-tarbija ma ttellifhiex mill-karriera, mill-istil ta’ ħajja jew għax ma tixtieqx li trabbi u filwaqt li dan jista’ jkun il-każ, hemm realtajiet differenti wkoll li għandhom jiġu indirizzati. 

Fuq is-sit ‘Break the Taboo’ hemm kważi 60 storja ta’ mara Maltija li għamlet abort u r-raġunijiet ivarjaw minn waħda għall-oħra. Kien hemm diversi nisa li għażlu li jagħmlu abort għax diġà kellhom ulied u dawn kellhom bżonnijiet speċjali. 

Mara oħra irrakkontat li din kienet temmet relazzjoni ta’ sitt snin u meta reġa’ kellha x’taqsam miegħu kien taqqalha bi ħsieb li jagħtiha lezzjoni. Fl-esperjenza tagħha hija saħqet li kienet tgħallmet żewġ affarjiet: Li l-edukazzjoni sesswali f’pajjiżna “hi medjokri” u li n-nisa għandhom ikollhom kontroll fuq ġisimhom u tgħid li mod ta’ kif wieħed jieħu kontroll fuq ġismu hu bl-għarfien. 

Esperjenza oħra kienet ta’ mara li kienet kompletament kontra l-abort iżda darba fost l-oħrajn saret taf li kienet tqila ta’ 39 sena u li kellha tumur, li seta’ jineħħa biss wara l-ħlas. Fil-fatt wara li din il-mara għamlet abort, ħasset il-ħtieġa li tiskuża ruħha. “Jiddispjaċini ħafna jekk bi kliemi xi darba weġġajt lil min għadda milli għaddejt jien u ma setax juri… Kont kontra l-abort 100%, sakemm għaddieli ħsieb żgħir minn moħħi. Imma le… dak żgur ma nistax nagħmlu jien! Jien? Dejjem nikteb kontra l-abort u kważi niġġieled man-nies minħabba l-abort, jekk ma jaqblux miegħi!” kitbet din il-mara.

Kont taf li tqala ektopika twassal għal abort... anke f’Malta? 

Esperjenza partikolari li laqtet għajn din il-gazzetta kienet dik ta’ mara li sofriet minn tqala ektopika jiġifieri meta l-konċepiment iseħħ fil-fallopian tube, b’riskju kbir għall-ħajja tal-omm. Din it-tip ta’ tqala sfortunatament ma tkunx vijabli, tkun biss ta’ periklu għall-omm għax minn ħin għall-ieħor il-fallopian tube jista’ jinfaqa u jwassal għal mewt. 

L-unika tliet possibilitajiet biex ineħħu l-embrijun f’dan il-każ huwa li l-mara tistenna li jkollha korriment b’mod naturali (li huwa kemmxejn diffiċli), li jitneħħa l-fallopian tube kollu – li b’hekk il-mara tispiċċa b’wieħed biss - u t-tielet possibilità hi li tintuża methotrexate - mediċina li tneħħi l-embrijun mill-fallopian tube mingħajr ma tneħħi t-tubu nnifsu u li għaldaqstant ma jaffetwax il-fertilità tal-mara, jekk tkun trid aktar trabi. 

L-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Doctors for Choice kienu stqarru mal-MaltaToday li huwa għalhekk li jixtiequ li jkun hemm reviżjoni fil-liġi ta’ x’inhu u x’mhux l-abort biex mediċina bħalma hi l-methotrexate tista’ tingħata mingħajr ħafna dewmien. 

F’din ir-reviżjoni l-NGO talbet li jkun hemm definizzjoni aktar ċara u wiesgħa tal-abort u r-raġunijiet warajh. Dan għaliex, minkejja li t-tneħħija tat-tubu hija abortiva taħt il-kappa tal-liġi hi meqjusa bħala d-Double Effect, jiġifieri abort legali li jsir meta ma jkunx hemm alternattiva. Min-naħa l-oħra l-NGO titlob li din il-mediċina titqies bħala abortiva b’mod legali biex b’hekk il-fertilità tal-omm ma’ tiġix milquta, la darba r-riżultat ikun ugwali għat-trattament l-ieħor. 

Il-każi Prudente, Halappanavar u Roe

L-istorja ta’ Andrea Prudente mhix waħda sigrieta, kulħadd jaf x’ġara inkluż barra minn xtutna. Prudente kellha madwar erba’ xhur tqala u ftit jiem wara li waslet Malta bdiet tkorri. Aktar kemm bdew jgħaddu l-ġranet il-qagħda ta’ Prudente dejjem bdiet tiggrava u minkejja li t-tarbija kien għad kellha qalb tħabbat kienet se tkun impossibli biex din issalva. 

Minkejja dan it-tobba Maltin ma setgħu jagħmlu xejn biex jgħinuha hekk kif minkejja li kienet f’riskju li titlef ħajjitha b’infezzjoni qawwija, it-tarbija ma setgħetx titneħħa minn ġufha peress li kien għad hemm qalb tħabbat, għax dan f’Malta huwa meqjus abort. Apparti minn hekk kien hemm ir-riskju li jiġu ikkonfiskati l-liċenzji mediċi ta’ dawk it-tobba li jgħinuha u li dawn saħanasitra jeħlu priġunerija. 
Din is-sitwazzjoni mhix waħda iżolata anzi Malta tara madwar tliet każi kull sena, bid-differenza li dawn ma jkollhomx il-privileġġ jew il-ħin li jittieħdu f’pajjiż ieħor bħalma ġara fil-każ ta’ Prudente. 

Għal ħafna din il-ġrajja hi familjari. Fl-2012 fl-Irlanda Savita Halappanavar, dentista, tilfet ħajjitha taħt l-istess ċirkustanzi b’infezzjoni fid-demm fuq dewmien biex jitneħħa l-fetu minn ġufha. L-istorja hi simili għal dik ta’ Prudente, it-tqala ma kinitx vijabbli iżda qalb it-tarbija kienet għadha tħabbat, minkejja dan it-tobba ma setgħu jagħmlulha xejn. 

Dak iż-żmien l-abort kien illegali wkoll fl-Irlanda, iżda wara l-mewt ta’ Halappanavar qam furur kbir tant li eventwalment dan wassal biex l-‘Eight Amendment’ - jiġifieri l-liġi li kienet tipprojbixxi l-abort - ġiet eradikata. 

Minn investigazzjoni li saret fi ħdan is-servizz nazzjonali tas-saħħa Irlandiża ġie determinat li l-mewt ta’ Savita seħħ sforz il-konfużjoni li kien hemm fuq il-liġi tal-abort fil-pajjiż. Eluf ta’ ċittadini protestaw quddiem il-Parlament Irlandiż u isimha baqa’ jiddi qalb il-karba tal-poplu sakemm ittieħed vot biex il-liġi tiġi emendata. Din l-esperjenza tant ħalliet impatt fuq il-Kostituzzjoni Irlandiża li ħafna talbu biex din tissejjaħ ‘Il-Liġi ta’ Savita’.  

Fid-dawl tal-każ ta’ prudente l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talab għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti biex ma jkun hemm xejn li jipprekludi lit-tobba milli jsalvaw ħajja ta’ mara f’ċirkostanzi simili. 

Pass ‘il quddiem u tlieta lura … L-Amerikani fi kriżi kbira

Eluf ta’ kilometri jifirdu liċ-ċittadini Amerikani u dawk Maltin iżda t-tnejn qed jgħixu realtà simili fejn jirrigwarda l-abort. 
Il-liġi li tippermetti l-abort f’xi stati Amerikani bdiet fl-1969 minn Norma McCorvey bl-użu tal-psewdonimu “Jane Roe”. Kienet hi li bdiet il-ġlieda kontra l-abort f’Texas, li dak iż-żmien kien permess biss f’każijiet fejn il-ħajja tal-omm kienet tkun mhedda. McCorvey, bit-tielet wild f’ġufha saħqet li kienet stuprata u minkejja t-talba tagħha biex twaqqaf it-tqala, din ġiet rifjutata. 

F’1973 b’koalizzjoni, McCorvey u Sandra Bensing mara ta’ 20 sena minn Georgia, li għaddiet minn sitwazzjoni simili, appellaw lill-Qorti Suprema u b’vot sebgħa kontra tnejn, dakinhar l-imħallfin tal-Qorti iddeċidew li l-Gvernijiet ma kellhomx is-setgħa li jipprojbixxu l-aborti. 
Kważi 50 sena wara l-folja inqalbet kompletament u din id-deċiżjoni ġiet revokata u fil-fatt kważi nofs l-istati Amerikani kellhom jagħlqu l-kliniċi tal-abort hekk kif issa, dan ġie projbit. 

Rabja kbira qamet fost diversi Amerikani b’mod speċjali għal dawk li kienu favur din il-projbizzjoni. Ħafna kienu rrabjati għax jemmnu li dawn ma humiex favur il-ħajja iżda biss favur it-twelid. Jgħidu li l-appell għall-ħajja kienet ironika ħafna meta wieħed iqis li “ħadd ma jrid ineħħi l-aċċess faċli” għall-armi, liema aċċess qed iwassal għal għexieren ta’ fatalitajiet ta’ tfal u żgħażagħ fl-iskejjel Amerikani, fost oħrajn. 

More in Politika