'Il-PN u l-PL ma jistgħux joffru soluzzjonijiet għall-ambjent għax wieħed firex is-sistema li għandna u l-ieħor kattarha'
Ftit ġranet wara protesta oħra f'Kemmuna s-sit illum.com.mt jitkellem ma' Rafel Grima mill-Moviment Graffitti dwar id-deckchairs, l-ambjent, il-partiti, il-popolazzjoni u l-istess moviment li huwa parti minnu...
minn Anthea Cachia
“Le, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista ma jistgħux joffru soluzzjonijiet fuq l-ambjent. Il-PL ma jistax għax hu fil-Gvern u qed imexxi sistema ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu (għad-detriment tal-ambjent) u l-PN lanqas għax hu partit li firex it-tapit għas-sistema li Joseph Muscat u Robert kattru.” Hekk jemmen Rafel Grima, membru tal-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Moviment Graffitti, li jiġġieled l-inġustizzji soċjali, ambjentali u d-diskriminazzjoni fost l-oħrajn.
Ta’ sikwit naraw xi protesta jew stqarrija mill-Moviment Graffitti, fil-fatt l-aktar riċenti kienet dik f’Kemmuna bil-għan li din il-gżira ma tkunx ikkapparrata mid-deckchairs u l-umbrelel, jonqos l-influss ta’ dgħajjes li jieħdu mijiet ta’ turisti fuq il-gżira ta’ kuljum u fuq kollox il-ħarsien tal-ambjent ta’ Kemmuna, li hija sit ta’ Natura 2000.
Però Graffitti, għalkemm narawhom ta’ spiss fuq xi sit ta’ kostruzzjoni jiġġieldu xi skavar bla permess, imorru lil hinn mill-ħarsien ambjentali. Fil-fatt Grima tkellem mal-ILLUM fuq l-isfruttament tal-ħaddiem, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema minn barra, jekk hemmx ħsieb li Graffitti isir partit, il-bini bla rażan u ovvjament fuq Kemmuna.
‘Il-projbizzjoni tad-dgħajjes f’Kemmuna mhux se tolqot l-ekonomija’
Graffitti mhux talli tipprotesta talli ħafna drabi hi propożittiva, ħafna jgħidu aktar mill-Oppożizzjoni stess. B’mod partikolari fil-kwistjoni ta’ Kemmuna, Graffitti ipprotesta u saħansitra bagħat ittri lil diversi Ministri u dan bl-għan li tittieħed azzjoni. Ġimgħa wara ġimgħa ma ttieħdet l-ebda’ azzjoni fuq it-talbiet tagħhom jew jekk ittieħed, minimament.
Fil-fatt tajjeb li nfakkru li l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kien saħaq li - kumbinazzjoni - fl-istess jum li Graffitti rħiela lejn il-gżira, uffiċjali mill-Ministeru kienu se jmorru jagħmlu spezzjonijiet biex jiżguraw li s-sitwazzjoni tad-deckchairs u umbrelel tiġi ikkontrollata. Madankollu, ftit deckchairs biss kienu tneħħew mill-parti ramlija.
Fost it-talbiet li għamel ilbieraħ fi protesta oħra f’Kemmuna, Moviment Graffitti talab li d-deckchairs u umbrelel jintramaw biss fuq talba ta' persuna fiżikament preżenti fuq il-post u fl-ebda ħin m'għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon. Kif ukoll li d-dgħajjes il-kbar ikunu projbiti minn Kemmuna, fost oħrajn.
Fuq hekk din il-gazzetta, minkejja li tirrikonoxxi l-ħsieb wara l-ħidma ma tistax ma tirrikonixxix ukoll l-aspett ekonomiku. Fuq kollox l-ILLUM tfakkru li Malta hija dipendenti ħafna fuq it-turiżmu u n-nuqqas tiegħu rajnih sew fi żmien il-pandemija. Allura la hemm id-domanda u nwaqqfuha mhux se timpatta ħażin fuq l-ekonomija?
“Li nwaqqfu dgħajjes kbar milli jidħlu f’Kemmuna mhux se jimpatta l-ekonomija Maltija,” saħaq Grima.
Tenna li apparti li l-fatt li Kemmuna suppost għandha l-ogħla grad ta’ protezzjoni - kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm f'Malta - “l-operaturi ta’ dawn id-dgħajjes kbar huma ftit u dan ifisser li għandek xibka ta’ negozjanti li qed jieħdu l-gwadann u l-qligħ kollu huma”.
Huwa żied jgħid li anzi, jekk d-dgħajjes kbar jiġu projbiti u għaldaqstant isir “forma ta’ capping” se jkun gwadann enormi kemm għat-turisiti u anke għall-Maltin.
Iżda t-turist kif se jkollu aċċess għall-Kemmuna, jekk id-dgħajjes jiġu projbiti?
Saħaq li ħafna turisti li jmorru Kemmuna jużaw dgħajjes żgħar, jiġifieri attwalment, apparti l-operaturi kbar hemm ħafna operaturi żgħar oħra. “It-turisti jużawhom, jiġifieri l-mezzi hemm qegħdin,” qal Grima. Huwa kompla jispjega li Graffitti qed jitlob li minflok tidħol flotta kbira f’Kemmuna b’dgħajsa waħda, it-turisti jitqassmu b’mod aktar sostenibbli, bl-operaturi ż-żgħar.
“Tajjeb li nsemmu wkoll li l-Kemmuna Management Plan tal-2016, li saret mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), kien talab għal studju fuq capping ta’ turisti, jiġifieri l-Gvern stess jirrikonoxxi li Kemmuna għandha tiġi ikkontrollata aktar. Sempliċement l-istudju qatt ma sar,” qal Grima.
Fil-fatt l-ILLUM sabet dan il-pjan u fih hemm indikat li għandu bżonn “isir assessjar ta’ kemm jiflaħ nies il-Blue Lagoon, filwaqt li jipprovdi rakkomandazzjonijiet fuq l-immaniġjar tat-turisti.” Dan jinkludi wkoll li jiġu identifikati n-numru ta’ turisti li jżuru l-gżira skont l-istaġuni, fejn jiżbarkaw l-laneċ, jekk għandux isir ħlas għall-entratura tal-gżira u l-bżonn ta’ wardens.
Żied jgħid li din hija kontradittorja, għax ir-rapport qed juri li għandu jkun hemm monitoraġġ serju fuq l-influss ta’ turisti iżda fl-istess waqt il-politiċi ma jagħmlu xejn biex jiġġieldu l-problema. “U nafu għalfejn ma sar xejn fuqha. Minħabba l-interessi ekonomiċi tal-ftit.” Qal li issa wasal iż-żmien biex dan il-pjan verament jingħata spinta. Apparti minn hekk jgħid li f’dan il-pjan kien hemm studji oħra imsemmija, iżda li dawn ukoll qatt ma saru, inkluż pjanijiet li jispeċifikaw kemm għandu jkun hemm wardens ambjentali fiż-żona.
Ifakkar li apparti l-problema tal-influss turistiku, hemm ukoll problema enormi ta’ skart, li jwassal għal numru kbir ta’ firien jiġru mal-bajjiet. “Ovvjament dawn qed joħolqu problemi serji, apparti li ħadd ma jħobb imur fuq gżira u jara firien jieklu ż-żibel.”
‘Aħna ma aħniex kontra d-deckchairs’
B’din ix-xemx taqli l-ankri dak li jkun ikollu ħeġġa kbira li jaqbeż fil-baħar u jċafċaf naqra, speċjalment f’Kemmuna bil-baħar ċar kristall. Iżda xemx eċċessiva mhi tajba għal ħadd u għalhekk ħafna jirrikorru għal xi deckchair u umbrella… Allura min jixtieq jikri deckchair u umbrella, m’għandux ikollu l-għażla li jagħmel dan? U jekk imorru 100 persuna u jridu 100 deckchair, m’għandhomx ikollhom id-dritt?
“Aħna m’aħniex kontra li d-deckchairs ikunu fuq il-Blue Lagoon, fil-fatt kemm fl-azzjoni ta' lbieraħ u anke fl-ittra li bagħtna lill-Ministri ikkonċernati, it-tnejn jgħidu li aħna m’aħniex kontra d-deckchairs. Biss nixtiequ li l-policy tiġi rispettata,” qal Grima filwaqt li fakkar li l-policy tgħid li t-turisti jew il-Maltin għandhom jistaqsu għad-deckchair huma u mhux isibuhom lesti.
‘Iż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni hi sintomu ta’ sistema ekonomika ta’ tkabbir’
Mill-capping f’Kemmuna, l-intervista issa iddur fuq capping turistiku b’mod ġenerali fil-pajjiż kollu. Filwaqt li fi żminijiet l-aktar popolari għat-turiżmu Malta tkun mimlija daqs bajda, ma rridux ninsew li dan jiżdied mad-densità tal-popolazzjoni, li hi 1,549 persuna għal kull kilometru kwadru aktar mill-medja Ewropea, biex f’Malta jgħixu l-akbar numru ta’ nies kull kilometru kwadru fl-Unjoni Ewropea.
Hu jgħid li Graffitti m’għandux pożizzjoni uffiċjali fuq il-capping għax jifhem li t-turiżmu huwa element b’saħħtu fl-ekonomija Maltija. “Iżda għandu jkun hemm ċertu raġunar, jew aħjar, ħsieb sostenibbli.” Grima jemmen li jekk l-irħula jibdew jimtlew b’ħafna turisti, “l-affarjiet jibdew jiddegradaw, il-prezzijiet jgħolew u dan iħalli impatt negattiv fuq in-nies li jgħixu f’dawn l-irħula.”
Hawn Grima fakkar li fix-xhur tas-sajf it-trasport pubbliku wkoll ikun popolari ħafna tant li xi kultant wieħed jispiċċa jitlef Tal-Linja fil-qilla tax-xemx, għax tant tkun ippakkjata li ma jkunx hemm spazju għal aktar nies. Għalhekk huwa sejjaħ għal titjib notevoli fis-servizz tat-trasport pubbliku, speċjalment fil-ħinijiet li joperaw fihom - jiġifieri mill 5:30 a.m. sal-11 p.m. - li jgħid illi ma humiex ilħaqqu mad-domanda, b’detriment għal dawk li ma jsuqux.
Lil hinn min-numru ta’ turisti, li jiġu Malta iżda eventwalment jitilqu, issa d-diskursata daret fuq ir-residenti. “Ir-rata ta’ twelid f’Malta hi pjuttost baxxa. Minkejja dan Malta tħaddem sistema ekonomika partikolari li hi dipendenti fuq l-influss - u mhux żgħir - ta’ ħaddiema barranin, li sa’ issa l-maġġoranza tagħhom qed jitħallsu pagi baxxi,” qal Grima. Jgħid li hemm perċentwal ta’ barranin li qed jiġu Malta u jaħdmu f’setturi tal-iGaming, iżda l-maġġoranza assoluta tagħhom jaħdmu fl-industrija tal-catering u divertiment - inkluż couriers - fis-settur tas-saħħa u tat-tindif, fost oħrajn.
“Iż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni hi sintomu ta’ sistema ekonomika ta’ tkabbir, kontinwu. Qabel ma nindirizzaw il-pagi baxxi u l-isfruttament tal- ħaddiema mhux se nsolvu l-problema li hemm. B'mod awtomatiku jekk inti trid tkabbar l-ekonomija għandek bżonn aktar nies. Mela jew se nikkoreġu t-tkabbir ekonomiku jew inkella l-problema ta' popolazzjoni kbira mhux se nsolvuha,” spjega lill-ILLUM.
Jgħid li l-uniku mod ta’ kif insolvuha hi li mmorru fil-qalba tal-problema u neliminaw l-attitudni ta’ tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox. Jgħid li huwa stat ta’ fatt u tajjeb li l-qgħad f’pajjiżna huwa minimu, iżda hemm realtà li mhux tiġi indirizzata, dik tal-isfruttament tal-ħaddiema.
‘Il-barranin qed jisirqulna xogħolna!’ Jew isoddu t-toqob?
Pajjiżna, minkejja li forsi din ħafna ma jirrikonoxxuhiex, qiegħed jara nuqqas ta’ ħaddiema f’ċertu setturi fosthom dawk tal-kostruzzjoni, tal-catering u anke tas-saħħa. Fil-fatt ħafna esperti, kemm dawk ekonomiċi u dawk li jaħdmu fil-qalba ta’ dawn is-setturi jattirbwixxu din in-nuqqas ta’ motivazzjoni għal: Kundizzjonijiet tax-xogħol - speċjalment f’dak tal-kostruzzjoni - u l-pagi, li ma huma xejn attraenti meta wieħed iqabbel kemm għandu bżonn flus biex ilaħħaq mal-ħajja.
“Fl-2019 ħareġ l-iskandlu tal-ħaddiema Torok, li kienu qed jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni ta’ lukanda partikolari, iżda ma kinux qed jitħallsu. Jien u xi membri oħra ta’ Graffitti iltqajna magħhom u bdejna ninnutaw li dawk il-ħaddiema ġew biex jaħdmu, jaqilgħu il-flus u jerġgħu imorru lura,” qal Grima.
B’hekk jisħaq li l-idea li jġibu l-barranin Malta u jkabbrulna l-popolazzjoni, “mhix eżattament korretta u ma tispjegax l-istampa kollha.” Huwa rrefera wkoll għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi, li l-permess tar-residenza f’Malta, huwa marbut ma’ xogħolhom, bħalma hu fil-każ ta' ċertu couriers.
Appella biex ma nkunux delużi li persuni barranin qed jieħdu xogħol il-Maltin, “huma qed jaħdmu f’xogħlijiet li ħafna Maltin ma jaħdmux fihom għaliex ma jitħallsux. Ma naħsibx li huwa ġust li barranin jew Maltin jaħdmu f’settur fejn jaqilgħu €2 għal kull delivery, u sew jagħmlu ma jaħdmux hekk.”
L-ILLUM fakkritu fl-aġenziji li jġibu eluf ta’ ħaddiema u jisfruttawhom u tistaqsi; “bħala Graffitti, x’se tagħmlu fuqhom?” Hawn huwa rrimarka li l-NGO kontrihom u jemmen li m’għadhomx jibqgħu jeżistu. “Aħna kontra l-aġenziji u anke jien personalment kontra u nixtieq li nara kundizzjonijiet tax-xoghol f'Malta li huma aktar denji u ġusti,” kompla jgħid Grima.
‘Naqbel ma’ moratorju fuq il-bini, imma bini għoli biss’
Waħda mill-proposti tal-Graffitti biex isiru riformi fil-liġi tal-kostruzzjoni hija li jkun hemm moratorju fuq bini għoli, bħal dak tad-Db group u Mercury Towers f’Paceville jew Quad Towers fl-Imrieħel. Jgħid li qabel ma tkun imfassla strateġija sejra tal-ippjanar f’Malta ma nistgħux nibnu torrijiet li ma nifilħux għalihom. “Id-Db faċċata hemm elf ruħ li jgħixu f’housing soċjali. Tagħmel sens li tibni żewġ torrijiet ta’ 17-il sular, li se jitfa’ dell u jġib ħafna traffiku u tniġġiż? It-talba tagħna fuq moratorju qiegħda hemm ukoll biex nagħmlu reviżjoni serja tal-pjanijiet lokali,” stqarr Grima.
Żied li l-pjan ta’ 4+2, jiġifieri li ttella’ żewġ sulari oħra fuq bini eżistenti, ma jkunx ħażin li jsir f’ċertu postijiet iżda minn naħa l-oħra, f’Malta bħalissa din tista’ ssir f’kull żona ta’ kull raħal (apparti fiż-Żoni ta’ konservazzjoni Urbana) “u ma naħsibx li bħala pajjiż għandna nżommuha, politika bħal din.”
L-ILLUM tqajjem il-punt li wieħed għandu d-dritt li jinvesti fil-proprjetà tiegħu u hawn Grima qal, “iva, bla dubju. Iżda m’għandniex inwaqqgħu l-argument fuq livell morali inkella wieħed joqgħod jipponta subajgħ u b’hekk ma nsolvu xejn. Din irridu nsolvuha fuq skala nazzjonali.”
Il-gazzetta ILLUM tfakkar li proġetti kbar ifissru ammont sostanzjali ta' ħaddiema. Ma jaħsibx li moratorju se jwassal biex persuni li jaħdmu f'din l-industrija jitilfu l-impjieg tagħhom?
“Dan huwa argument falz li għamlu tad-Db jew Joseph Portelli,” qal Grima. Saħaq li apparti li fis-suq hemm ħafna xogħlijiet, ħafna ħaddiema jiġu Malta speċifikament għal xi xogħol, imbagħad jerġgħu jirritornaw lejn pajjiżhom.
‘Mill-proposti u d-diskorsi ma jidhirx li hemm r-rieda li jinbidlu l-affarjiet’
Grima jgħid li minkejja li din is-sena kellna kampanja elettorali, mill-proposti u d-diskorsi kollha, ma jidhirx li hemm ir-rieda li l-affarjiet jinbidlu speċjalment mil-lat ambjentali, “u fuq kollox it-tnejn favur it-tkabbir ekonomiku bla rażan.”
“Ħafna jaħsbu li l-PL u l-PN ma jaqblu fuq xejn, iżda fil-verita jaqblu fuq 95% tal-affarjiet”, qal Grima. Huwa saħaq li fost l-affarjiet li jaqblu fuqhom hemm is-settur tal-kostruzzjoni, “minkejja l-ħafna għajjat fuq l-ambjent.”
Jgħid ukoll li l-PL u l-PN jaqblu perfettament ma’ xulxin fuq l-immigrazzjoni. “U jaqblu wkoll ma’ xulxin li jkissru l-partiti ż-żgħar.” Qal li fl-2003, l-ADPD kellu saħħa kbira, iżda imbagħad saru liġijiet li bihom il-partiti ż-żgħar u l-indipendenti ma jiġux eletti.
‘Le, ma naħsibx li l-Graffitti jsir partit’
Mistoqsi minn din il-gazzeta, Grima jisħaq li ma jarax li l-Graffitti jsir partit politiku minkejja li jara ċertu nuqqasijiet miż-żewġ - u l-uniċi partiti - fil-Parlament Malti. Jisħaq li l-NGO iddiskuta din il-possibilità iżda lkoll qablu li ma jsirux partit. Primarjament għall-fatt li fl-1994, jiġfieri kważi 30 sena ilu, l-għaqda twieldet mid-diżappunt fil-partiti. “Jiġifieri l-irwol tal-Graffitti fis-soċjetà illum huwa biex ikun ‘il barra mill-partiti u li jkun organizzazzjoni li jinvolvi r-residenti, ħaddiema, min jixtieq ikun attiv f’kwistjonijiet ambjentali jew kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa.”
Jemmen bi sħiħ li l-fatt li Graffitti hu attiv fuq tant oqsma u li kiber b’tant saħħa, tixhed li n-nies qed ifittxu politika jew attiviżmu serju barra mill-partiti politiċi ewlenin. Apparti minn hekk huwa jemmen li jekk ikun partit politiku huwa marbut b’ħames snin, jiġifieri bejn elezzjoni u oħra, b’hekk huwa jgħid li l-NGO għandha aktar libertà biex tkun aktar effettiva.
“Hemm lok li jkun hemm partit politiku aktar b’saħħtu biex jikkompeti mal-PL jew PN?” staqsa Grima. Bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu wieġeb fl-affermattiv għax jemmen li hemm nies u partiti serji, fosthom l-ADPD, li jrid jara li jissaħħaħ aktar.
“Kif inhi s-sistema politika Maltija ma tħajjarnix, għax nemmen li Graffitti jista’ jkun ħafna aktar b’saħħtu u effettiv,” temm jgħid mal-ILLUM l-attivist u membru tal-Moviment Graffitti Rafel Grima.