95% tal-ħaddiema tal-Airmalta membri tal-GWU jivvutaw favur ftehim bejn il-unjin u l-Gvern

Il-ftehim jinkludi xogħol garantit b'paga garantita u anke skemi ta' rtirar kmieni u estensjoni tad-data ta' trasferiment tal-ħaddiema...

Wara żewġ laqgħat li saru matul dawn il-jumejn 95% tal-ħaddiema tal-Airmalta membri fil-GWU ivvotaw favur ftehim li ntlaħaq bejn il-GWU u l-Gvern. Wara l-ftehim li kien intlaħaq lura fi Frar li għadda li kien jgħid li dawn il-ħaddiema se jkollhom xogħol garantit u ħlas ta’ ‘take home pay’ garantita, il-ftehim issa ffirmat kien jistipula wkoll żewġ skemi li ġew finalizzati waqt dawn l-aħħar diskussjonijiet.

“Wara xhur ta’ diskussjonijiet bejn il-Gvern, l-Airmalta u t-trejd unjins, ġbidna ħabel wieħed u b’sodisfazzjon inħabbar li wasalna fi ftehim għal dawn il-ħaddiema. Ftehim dwar skemi ta’ irtirar kmieni u estensjoni tad-data meta l-ħaddiema se jiġu trasferiti mill-Airmalta għal mal-RSSL. Ħidma sfiqa li ġiet approvata b’sodisfazzjon mill-membri tagħna,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, Sandro Vella.

Lura f'Jannar li għadda kien tħabbar li bħala parti mir-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru mill-madwar 900 ħaddiem li hemm preżentement fuq il-kotba tal-Air Malta dawn se jkunu qed jonqsu b'madwar 430, li 300 minnhom huma dawk il-ħaddiema tal-ground handling. 

L-ewwel l-iskema għall-impjieg alternattiv infetaħ għal ħaddiema tal-uffiċini u cabin crew u issa għal dawk tal-Ground Handling ukoll.

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta Maltatoday rrappurtat kif it-tragward għal meta jsir it-trasferiment se jiċċaqlaq minn nofs Awwissu għal Ottubru minħabba biża' li tista' taffetwa l-operazzjoni tal-kumpanija waqt dan iż-żmien daqstant impenjattiv. 

More in Politika