In-nuqqas ta' ħeġġa, ir-riformi mwiegħda u l-Brand PN - Il-prijoritajiet urġenti ta' Grech-Perici Calascione

Issa t-tim tat-tmexxija tal-PN huwa komplut u se jiċċentra ma' Bernard Grech u Alex Perici Calascione. Qamar il-Għasel żgur mhux se jkollhom hekk kif il-bżonnijiet huma urġenti, l-aktar il-bżonn li tnaqqas mill-apatija fost l-għeruq... 

Ġimgħa ilu Alex Perici Calscione kien elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, fi żmien li  - ngħiduha kif inhi - mhux eżattament l-aktar faċli għal dan il-partit, ħames xhur wara elezzjoni ġenerali li ratu jitlef bil-kbir. Perici Calascione se jkun għalhekk in-numru 2 u l-idejn tax-xellug u tal-lemin ta' Grech għax-xhur li ġejjin, li se jwasslu għal żewġ elezzjonijiet: Tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, it-tnejn fl-2024.  

X'għandhom ikunu l-prioritajiet ta' Perici Calascione? 

1 - Jibda joħloq ftit ħeġġa fil-partit u fost il-partitarji... għax hemm wisq apatija! 

F'analiżijiet passati, kemm qabel l-elezzjoni u anke wara, konna għamilna aċċenn partikolari fuq l-importanza li l-PN iqajjem ftit ħeġġa fost il-partitarji, għax dan huwa element importanti għal ħafna raġunijiet: Biex il-PN jiġbor il-fondi, biex ikun organizzat, biex isib il-voluntiera tant meħtieġa għall-organizzazzjoni ta' kampanja elettorali u tant aktar.  

Issa wieħed jifhem li l-elementi huma kollha kontra l-PN bħalissa. L-ewwelnett hemm il-fattur taż-żmien li qegħdin fih: Ħames xhur wara elezzjoni li rat lill-PN jitlef bi kważi 40,000 vot, poplu li ma tantx qed jinteressa ruħu fil-politika, sħana tas-sajf u staġun li huwa mimli attivitajiet soċjali, kunċerti, festi u aktar - wara sentejn ta' pandemija, li jfisser illi l-aptit ta' ingaġġ għall-politika jinsab fl-aktar livell baxx li qatt kien fl-aħħar snin.  

Minkejja dan il-livell ta' diżillużjoni fil-PN issa laħaq livelli prekarji ħafna, wara illi dan il-partit ilu prattikament jitlef kull elezzjoni (lokali, nazzjonali u tal-Parlament Ewropew) mill-2009. U allura sal-2024 ikun ilu 15-il sena ma jirbaħ elezzjoni. Minkejja dan ukoll, l-avvenimenti ta' wara l-aħħar elezzjoni ġenerali ma għenu xejn biex il-PN jibda jiċċaqlaq ftit u jemmen li għandu ċans jaqbad it-triq tas-suċċess.  

Ma kien hemm ebda kontestazzjoni għal Kap u allura l-kampanja ta' Grech biex jirbaħ il-fiduċja tal-Kunsilliera mill-ġdid kienet immarkata minn nuqqas ta' ħeġġa u messaġġ minn Grech stess dwar il-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess partit, li mhux eżattament l-aktar suġġett li jqajjem ħafna entużjażmu u jagħti tama.  

L-elezzjoni għal Viċi Kap, mill-ġdid, ma kinitx ikkontestata għajr minn persuna waħda, u mill-ġdid dan kien kontra dak mistenni għaliex l-għajta u l-ħsieb kien li għal din il-kariga jikkontesta xi ħadd aktar ġdid u (preferibbilment) ikun hemm mara. Perici Calascione la huwa ġdid u naturalment lanqas mara u lanqas huwa wisq differenti fl-immaġġini u sfond minn Bernard Grech - hekk kif huwa avukat. Dan wassal biex - għajr għaċ-ċirku ristrett tal-Kunsilliera - din l-elezzjoni ma qajmet ebda entużjażmu, lanqas fil-Kmamar tal-Aħbarijiet. 

Biex tkompli tgħaxxaq dawn il-ħames xhur kienu kontinwazzjoni ta' fejn ħalla l-PN fl-aħħar snin, b'Deputati u persuni qrib il-PN fil-miftuħ jikkritikaw lit-tmexxija tal-PN (jew inkella lil xulxin). L-aħħar li fetaħ il-kanuni kien Robert Arrigo li saħansitra għajjar lil Bernard Grech "giddieb" u qablu kien hemm Jason Azzopardi li ma ħadha xejn tajjeb li Grech donnu implika li huwa skadut. Azzopardi kien kritiku ħafna tal-PN għax allega li qiegħed wisq kwiet u maqbud f'morsa ta' apatija.  

Mix-xellug għal-lemin: Chris Perigin, Ray Bezzina, Alessia Psaila Zammit u Frank Psaila.
Mix-xellug għal-lemin: Chris Perigin, Ray Bezzina, Alessia Psaila Zammit u Frank Psaila.

Il-PN ra wkoll numru ta' riżenji, fosthom ta' Chris Peregin, Ray Bezzina, Alessia Psaila Zammit u żewġha Frank Psaila.  

Dan ifisser li se jkun diffiċli immens - jekk mhux kważi impossibbli - li fil-mument it-tim Grech-Perici Calscione b'xi mod jirnexxielu jegħleb dawn il-forzi kollha kontrih, biex iqajjem entużjażmu fl-għeruq - li ħafna minnhom jemmnu li l-PN mhux se jkollu ċans għal suċċess fil-futur qarib. 

Imma dan xorta jista' jipprova jagħmlu anke billi kemm jista' jkun dan it-tim jippreżenta lilu nnifsu quddiem l-attivisti u anke l-poplu in ġenerali billi juża d-diversi festi u attivitajiet soċjali li qed isiru bħalissa sabiex b'hekk jippreżentaw lilhom infushom bħala tim affabbli, li jaf imur man-nies u qrib in-nies u jkisser il-perċezzjoni ta' riġidità li bosta għandhom fuq Grech-Perici Calascione.  

2 - Jibda jara illi r-riformi mwiegħda jsiru! 

Ftit wara li kien ikkonfermat Kap tal-PN Bernard Grech għamel diskors b'saħħtu li fih għamel elenku ta' riformi pjuttost importanti li l-partit kellu jwettaq. Dwar dawn ir-riformi ftit erġajna smajna, fil-pubbliku għallinqas. Grech wiegħed, fost oħrajn li l-Kumitati Sezzjonali ikunu komposti minn nies li jkollhom aktar l-irwol ta' koordinazzjoni, tixrid tal-messaġġ u ġbir ta' data mit-toroq, Regional Managers - biex ikunu sostenn għall-istruttura tal-partit, riforma fl-AŻAD bħala ċentru għat-taħriġ tal-kandidati u aġġornament fid-dehra u allura "Brand PN". 

Grech wiegħed li se jwaqqaf tim ta' Tfassil ta' Politika u ta' Riċerka li jikkoordina l-ħidma tal-clusters u li jiffinalizza l-programmi elettorali tal-elezzjonijiet li ġejjin.  

Qal ukoll li hu se jżur il-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex fiż-żmien li ġej. Hu wiegħed ukoll sistema ta' Customer Care aktar effiċjenti.  

Naturalment dan kollu se jkun fuq il-platt ta' Perici Calascione wkoll li jrid jara illi dawn il-wegħdi ta' riformi jitwettqu, speċjalment fejn jirrigwarda wkoll deċiżjonijiet li jitrattaw il-midja tal-PN u li Grech wiegħed illi se jieħu, anke jekk ikunu deċiżjonijiet diffiċli.  

Huwa importanti li l-bidliet u riformi li jrid jagħmel il-PN isiru fis-sena li ġejja sabiex b'hekk fil-bidu tal-2024 ikun lest għal kampanja, li se tkun determinanti għal Grech u anke għal Perici Calascione. 

Naturalment, ħaġa torbot ma' oħra, u biex tagħmel dawn ir-riformi trid in-nies u r-riżorsa - kandidati, nies li se jaħdmu fil-Customer Care, nies li se jibdlulek id-dehra - strateġisti, nies fil-marketing, voluntiera, nies li se jaħdmu fil-fergħat mingħajr ħlas u mill-ħin liberu tagħhom u aktar. U jekk l-għeruq se jibqgħu 'il bogħod mill-partit għax ma għandhomx ħeġġa, huma diżillużi u jemmnu li l-PN ma għandux ċans jiċċaqlaq, ir-riformi se jkunu diffċli li jitwettqu. 

Brand PN - bżonn ta' bidla mill-qiegħ 

L-aktar riforma importanti hija l-bidla fil-Brand PN - jiġifieri l-immaġini ta' dan il-partit, mill-emblemi u l-affarijiet relatati mal-partit sad-dehra f'termini ta' perċezzjoni.  

Il-PN bħalissa huwa perċeput popolarment bħala mifrud, tellief u antikwat u fid-dinja tal-lum tal-midja soċjali, tal-marketing, tad-dehra, ix-xinxilli, il-make-up, il-colour-schemes u l-bejgħ tal-emozzjoni lilhinn mir-razzjonalità u l-fatt, din il-perċezzjoni tfisser aħbarijiet ħżiena għall-PN. U s-sitwazzjoni tiggrava aktar meta wieħed jiftakar illi sa mill-2013 il-Partit Laburista qed jeċċella bil-kbir f'dawn l-oqsma, permezz ta' kampanji elettorali organizzati, professjonali u b'marketing iffukat u tajjeb ħafna. U għalkemm fl-aħħar elezzjoni bdejna naraw l-ewwel xquq f'din il-faċċata ta' relazzjonijiet pubbliċi, il-kampanja laburista xorta baqgħet ħafna aħjar minn dik nazzjonalista f'termini ta' PR. 

Imma l-Brand mhijiex biss id-dehra, hija wkoll l-abbilità li tirrispondi b'mod effiċjenti u fil-ħin għall-problemi reali tan-nies xi ħaġa li l-PN għamel fuq kwistjoni waħda, imma mhux biżżejjed fuq oħra, mill-elezzjoni ta' Marzu.  

Il-PN kien effiċjenti fir-risposta tiegħu fuq il-kwistjoni tal-Belt Valletta u mużika sas-1:00 a.m, mhux biss billi kien voċiferu permezz tal-Kunsilliera tiegħu, iżda anke billi ressaq mozzjoni Parlamentari. Ma kienx daqstant effettiv (u seta' kien ħafna aktar - anke fuq livell Parlamentari) fuq il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja li qed tweġġa' tant nies, speċjalment dawk bi qligħ baxx.  

Il-Brand PN - lilhinn minn kwistjonijiet ta' dehra - għandha tkun marbuta ma' kwistjonijiet ideoloġiċi u anke ta' pożizzjonijiet. In-nies għandhom jgħarfu din il-Brand bħala waħda li hija citizen friendly u li allura twieġeb għall-bżonnijiet tal-votanti fuq livell makro, imma anke mikro. Mela jekk il-problema hija l-għoli tal-ħajja l-Brand PN qed jitkellem dwarha kuljum, jiltaqa' mal-għaqdiet kuljum u jieħu inizzjattivi kuljum biex jindirizza din il-problema u jidher li qed jagħmel dan! Ħames minuti diskors darba f'ġimgħa fuq NET FM mhux talli mhux biżżejjed talli lanqas biss bdejt. Jekk huwa l-ambjent - mela l-Brand PN trid tkun fuq quddiem biex issemma' leħinha, torganizza protesti u tipproponi policies kuraġġużi. Jekk it-traffiku huwa l-problema, mela l-istess għandha tkun il-Brand PN li titkellem, pero' wkoll li toħloq pjattaformi - lilhinn mill-midja tradizzjonali tal-PN li ċarament qed twassal il-messaġġ lil sezzjoni ta' nies diġà konvinti bil-PN - illi permezz tagħhom il-poplu jitkellem.  

U dan għandu jsir b'mod koordinat, b'nies li qed jieħdu ħsieb jiddeċiedu liema suġġetti l-PN se jagħfas fuqhom, pjan ta' azzjoni, kif se jinfetħu bibien ta' komunikazzjoni mal-poplu dwar din il-kwistjoni, x'azzjoni se tittieħed - fosthom b'kampanji iffukati kif ukoll x'se tkun il-ħidma parlamentari.  

Dan ċarament mhux qed isir u f'ħafna każi l-messaġġ tal-PN fuq kwistjonijiet li qed idejqu lin-nies huwa sparpaljat, diżorganizzat u mhux effettiv- hekk kif mhux qed jilħaq lill-maġġoranza kbira ħafna tan-nies fil-pajjiż li ma jsegwux il-midja tal-PN (ħafna minnhom lanqas isegwu tal-PL - imma xorta jaraw il-messaġġ tal-Gvern permezz ta' mezzi tax-xandir oħra, riklamar, billboards u aktar).  

Il-Brand PN ma tistax tkun biss il-Brand kontra l-Korruzzjoni, għalkemm għandha tibqa' tiġġieled fuq dan il-punt u żgur ma tistax tibqa' perċeputa bħala l-Brand "tal-ftit", "tal-establishment" jew "tal-klikek." 

Trid tkun meqjusa bħala Brand ta' kulħadd, Brand li tista' tikkritika imma li xorta hemm post fiha għal kulħadd, Brand li hija favur in-negozju imma kontra l-abbuż u li ma tibżax titlef appoġġ ta' xi parti jew sezzjoni tal-poplu, għax qed tipproponi alternattivi aktar iebsa li jindirizzaw l-iżvilupp u anke l-problema tad-densità tal-pajjiż. Trid tkun Brand li tmur lilhinn mill-mibgħeda u l-preġudizzji antiki u elitisti kontra l-Partit Laburista. Trid tkun Brand li tagħraf li saru żbalji u ma żżommx ġo qalbha kontra dawk li telqu lil dan il-partit u bdew jivvutaw Labour.  

Pero' fuq kollox, trid tkun Brand li tirrappreżenta l-għaqda: Xi ħaġa tant neċessarja u li tinħass (mill-ġdid!) nieqsa fil-Partit Nazzjonalista.  

Konklużjoni: It-triq 'il quddiem għal Grech-Perici Calascione hija diffiċli ħafna. Ħafna aktar diffċli minn qabel Marzu li għadda. Il-fatt li l-PN makienx "avventuruż" biżżejjed fl-għażla (tal-inqas) ta' Viċi Kap żgur mhux se tgħin biex in-nazzjonalisti jerġgħu jibdew iħossu sens ta' appartenenza.  

Għalhekk il-ħidma ta' Bernard Grech u Alex Perici Calascione trid tkun ħafna ikbar u ssir b'mod ħafna iktar urġenti, jekk jixtiequ illi tħalli l-frott. 

More in Politika