Il-Forum kontra l-Faqar jipproponi għajnuna diretta biex familji jifilħu għad-daqqa tal-għoli tal-ħajja

Il-Forum Malti kontra l-Faqar qal fi stqarrija li l-pajjiż għandu jadotta mekkaniżmu adegwat ta' dħul minimu

Il-Forum Malti kontra l-Faqar qal fi stqarrija li l-pajjiż għandu jadotta mekkaniżmu adegwat ta' dħul minimu, aktar milli paga minima. Fi stqarrija il-Forum sostna li l-pajjiż ma jistax ikollu sistema one-size-fits-all meta jadotta d-Direttiva Ewropea għall-Paga Minima, li dwarha intlaħaq ftehim proviżjonali fl-aħħar ġranet. Stati Membri b'pagi minimi se jkunu mitlubin jwettqu qafas proċedurali li jwassal għal pagi mimini skont sett ta' kriterji. 

Il-Forum qal li ladarba id-Direttiva tiffoka biss fuq nies f'impjieg, dawk bla xogħol li jinkludi pensjonanti ma għandhomx ikunu minsija. Għalhekk issuġerixxa li apparti paga minima jkun hemm supplimenti u flus addizzjonali pprovduti mill-Gvern, dejjem skont il-familja in kwistjoni. Appellat lill-Gvern ukoll sabiex jindirizza r-realtà tal-inflazzjoni sabiex b'hekk jiżdiedu l-flus fil-but tan-nies. "Huwa ta' xejn li tiżdied il-paga minima jekk il-prezzijiet qed jiżdiedu wkoll, għalhekk il-Gvern għandu jwettaq moniteraġġ skrupluż u jintervjeni f'setturi essenzjali."

Il-Forum qal li assistenza diretta u skemi għandhom jgħinu lil dawk bi qligħ baxx u emfasizzaw li skemi bħal dawn għandhom jindirizzaw prodotti essenzjali bħal ikel u mediċina. Appella wkoll lill-Gvern biex jaġġorna l-istatistika kull sena, f'dak li jirrigwarda Household Budgetary Survey. 

Malta aġġornat l-paga minma l-aħħar fl-2017, b'żidiet gradwali fuq tliet snin, filwaqt li l-paga minima tiżdied kull sena wkoll bil-COLA, wara qbil bejn l-imsieħba soċjali. 

 

More in Politika