'Ftit deckchairs tneħħew mill-parti r-ramilja'... Il-Moviment Graffitti bi protesta oħra fil-Blue Lagoon!

'Ma nistgħux naċettaw li ftit persuni bil-flus u influwenza politika jieħdu dak li hu tal-pubbliku, bi dritt' - Graffitti

Il-Moviment Graffitti ħabbar protesta pubblika f'Kemmuna nhar is-Sibt 13 ta' Awissu: Kemmuna ta' Kulħadd - Nieħdu Lura l-Blue Lagoon. Graffitti jgħid li l-Blue Lagoon għadu maħtuf minn interessi kummerċjali li biddlu din il-bajja f'lido privat, "għalhekk waqt il-protesta se nkunu qed nieħdu lura din il-bajja bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku u ngawdu ġurnata l-baħar." 

Il-Moviment Graffitti dejjem saħaq li r-raġuni tas-sitwazzjoni gravi fil-Blue Lagoon hija x-xibka ta' kummerċ intensiv li ħakmet din il-bajja, mhux id-deckchairs u l-umbrelel biss, iżda wkoll id-dgħajjes kbar (bħal katamarani) li jferrgħu mijiet ta' turisti u "n-numru esaġerat ta' gabbani kbar li joħolqu skart u storbju insostenibbli."

"Barra minn dan, meta erġajna żorna Kemmuna ftit tal-ġranet ilu, sibna li kienu tneħħew biss ftit deckchairs mill-parti żgħira ramlija, filwaqt li l-bqija taż-żona - is-simenta, il-passaġġ u l-bajja ż-żgħira l-oħra - kienu għadhom miksijin deckchairs vojta u umbrelel minn kmieni filgħodu," qal il-Moviment Graffitti. 

L-attivisti saħqu li ma jistgħux jaċċettaw li ftit persuni "bil-flus u influwenza politika jieħdu dak li hu tal-pubbliku, bi dritt. Lanqas nistgħu naċċettaw li dawn il-kumpaniji jkomplu jeqirdu riserva naturali sensittiva biex jistgħanew huma." 

X'inhu l-għan ta' din il-protesta?

Din il-protesta se ssejjaħ għal miżuri immedjati biex tieqaf il-ħsara li qed issir u biex din il-bajja terġa' tingħata lill-poplu: 

  • Deckchairs u umbrelel jintramaw biss fuq talba ta' persuna fiżikament preżenti fuq il-post u fl-ebda ħin m'għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon. 
  • Id-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta' turisti f'salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna. 
  • Ikun hemm limitu ta' żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta' mużika, fil-Blue Lagoon. 
  • Ikun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta' skart iġġenerat u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, biex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali. 

Intant min hu interessat jingħaqad fil-protesta jista’ jibbukkja post fuq id-dgħajsa minn din il-formola ta’ reġistrazzjoni: www.comino.movimentgraffitti.org. Id-dgħajjes ser jitilqu għall-Blue Lagoon miċ-Ċirkewwa (Malta) jew mill-Imġarr (Għawdex) fit-8am. Il-vjaġġi lura jibdew minn nofsinhar.

More in Politika