'L-Air Malta u l-ħaddiema tagħha qed ikunu trattati bħala ballun politiku' - ADPD

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD tgħid li 'l-Air Malta hija fil-qagħda li hi ħtija tal-klijenteliżmu politiku li fuqu tmexxiet il-kumpanija sa minn meta twaqqfet'

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

Iċ-Chairperson ta’ ADPD, Carmel Cacopardo, esprima d-dispjaċir li "l-Air Malta u l-ħaddiema tagħha huma trattati minn dan il-Gvern bħala ballun politiku." Skont hu, dan qed jidher ċar issa iktar minn qatt qabel għax filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Gvern wiegħed impjieg garantit mal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet li kellhom fl-Air Malta lill-ħaddiema li tkeċċew, issa qed jindunaw li dan mhux possibbli.

Cacopardo sostna li l-aħħar rapporti fil-midja u l-ġurnali wara li l-Ministru Clyde Caruana irtira l-ftehim li għamel mal-ħaddiema tal-Air Malta fi Frar, qed juri "l-klijentaliżmu u l-istil ta’ politika qadima għadhom b’saħħithom f’Malta."

"Għandna storja twila ta’ gvernijiet u politiċi li jitkellmu fuq il-governanza tajba, imma mbagħad jipprattikaw il-politika tal-wegħdi u saħansitra l-iffirmar ta’ ftehim li ma jistgħux iżommu miegħu, kollox biex jinxtraw il-voti," temm jgħid dwar dan Cacopado.

Min-naħa tiegħu Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD żied jgħid li l-attitudni tal-Gvern fil-kwistjoni tal-Air Malta hija wkoll wirt tas-sistema tal-gvernijiet tal-passat. Cassar qal li l-Air Malta hija fil-qagħda li hi ħtija tal-klijenteliżmu politiku li fuqu tmexxiet il-kumpanija sa minn meta twaqqfet. 

"Ta’ min wieħed ifakkar fl- attitudni tal-PLPN li dejjem użaw l-Air Malta bħala baqra li ħelbulha sal-aħħar qatra ħalib, u baqgħu wieħed wara l-ieħor jaħilbu bl-addoċċ."

Temm jgħid li l-qagħda attwali tal-Air Malta hija, iswed fuq l-abjad, riżultat tal-klijenteliżmu sfrenat li mxew bih il-PLPN tul is-snin. "Dawn ġabu lill-Air Malta għalkopptejha biex jixtru l-voti u jqassmu l-pjaċiri għas-skapitù tal-finanzi pubbliċi u t-taxxi li jħallsu l-ħaddiema u n-nies onesti."

More in Politika