L-Ajruport qed ibassar li din is-sena se tagħlaq bl-istess traffiku tal-2016 u l-2017

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jistenna li jagħlaq is-sena 2022 b’5.4 miljun passiġġier

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jistenna li jagħlaq is-sena 2022 b’5.4 miljun passiġġier, liema ċifra hija kumparabbli mat-traffiku li tal-istess ajruport fl-2016 u l-2017 - qabel il-pandemija.

Dan it-tbassir tħabbar waqt konferenza li saret aktar kmieni dalgħodu, u li matulha l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg spjega li, wara sentejn ta’ inċertezza kbira, il-kumpanija ħasset li kienet f’pożizzjoni li tagħti tbassir lis-suq.

Fl-ewwel nofs tal-2022, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 2.3 miljun passiġġier, hekk kif it-traffiku rkupra b’pass mgħaġġel fit-tieni kwart tas-sena u patta għall-ewwel tliet xhur li kienu tassew kwieti. Minkejja dawn is-sinjali - li Borg iddeskriva bħala "inkoraġġanti " - ta’ rkupru, l-industrija tal-avjazzjoni internazzjonali qiegħda tkompli tiġi affettwata minn għadd ta’ sfidi bħal azzjonijiet industrijali, nuqqas ta’ riżorsi umani u limitazzjonijiet operazzjonali, kif ukoll diversi fatturi ġeopolitiċi u ekonomiċi.

“Ser inkunu qegħdin naħdmu sabiex inżommu r-ritmu li nqabad fit-tieni kwart tas-sena matul l-istaġun tas-sajf u lil hinn minnu. Bil-prestazzjoni tagħna għall-ewwel nofs tas-sena u l-iskeda ta’ titjiriet li qegħdin nistennew li jkollna din ix-xitwa, ninsabu kunfidenti li dak li qegħdin inbassru fir-rigward ta’ passiġġieri jista’ jintlaħaq jekk inkomplu naħdmu mal-partijiet interessati tagħna. Madankollu, tajjeb li nżommu f’moħħna wkoll li hemm għadd ta’ sfidi ġodda li jistgħu jxekklu r-rata ta’ rkupru tal-industrija,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport Alan Borg.

 Borg ippreżenta wkoll l-iskeda ta’ titjiriet għax-xitwa li mistennija toffri 83 rotta, jiġifieri madwar 80% tal-konnessjonijiet li kellu l-ajruport qabel il-pandemija. Tnejn mir-rotot li ser jerġgħu jibdew jiġu offruti din ix-xitwa wara li kienu twaqqfu fil-bidu tal-pandemija huma Skopje fil-Maċedonja ta’ Fuq u Cluj fir-Rumanija, li ser ikunu operati mil-linja tal-ajru Wizz Air.

Borg qal illi filwaqt li l-prijorità assoluta tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija li jerġa’ jibena netwerk b’saħħtu ta’ rotot għall-gżejjer Maltin u jiġu analizzati opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir, il-kumpanija ser tkompli tinvesti wkoll f’għadd ta’ proġetti li ser ikomplu jiżviluppaw il-kampus tal-ajruport. Il-kumpanija reċentament lestiet il-proġett tal-Food Court, u issa tinsab biss ġimgħat ‘il bogħod mill-bidu ta’ xogħlijiet preliminari fuq il-proġett ta’ Apron X. Dan l-investment mhux biss ser jgħammar lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’aktar stands ta’ parkeġġ għall-ajruplani, iżda ser jinkludi wkoll il-bini ta’ taxiway ġdida, bil-għan li din ittejjeb l-aċċess għal Apron X, l-iżvilupp ta’ żona ddeddikata għal faċilitajiet użati mill-kumpaniji tal-ground handling, u l-bini ta’ ġibjun.

More in Politika