Il-Qorti ssib lill-BA u lill-PBS ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-PN... Grech jisħaq li dawn qed iservu lill-Gvern ta' Abela

Il-Qorti tfakkar li huwa obbligu tal-Istat li jipproteġi d-dritt tar-risposta minn parti li tħossha inġurjata jew li kontriha tkun saret diskriminazzjoni fix-xandir

Imħallef ikkritika l-mentalità ta' 'winner takes it all" li juru ż-żewġ partiti politiċi fir-rigward tal-PBS f'sentenza li sabet illi l-PBS kiser il-Kostituzzzjoni meta ma rrappurtax b'mod imparzjali materja ta' kontroversja politika, filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx azzjoni fil-ħin. Kien il-Partit Nazzjonalista li fetaħ dan il-każ kostituzzjonali, qabel l-elezzjoni li għaddiet. 

Il-PN kien ilmenta illi fl-ipprogramar tal-PBS kien hemm parzjalità favur il-Gvern, li fissret illi dak li jingħad mill-Kap tal-Oppożizzjoni ftit li xejn jingħata spazju fuq l-aħbarijiet. Il-PN kien fetaħ ukoll il-każ fid-dawl ta' ordni li qal illi ġiet injorata mill-PBS. Kien biss tliet xhur wara, wara illi l-PN għamel it-tieni lment, li l-Awtorità tax-xandir imponiet multa fuq il-PBS talli ma obdiex l-ordni. 

L-Imħallef Grazio Mercieca qal illi l-pluraliżmu huwa fattur importanti fil-libertà tal-kelma. "L-Istat mhux biss għandu obbligazzjoni li ma jinterferix jew iwaqqaf mil-libertà tal-espressjoni, imma għandu wkoll l-obbligazzjoni li joħloq garanzija ta' pluraliżmu effettiv permezz ta' qafas leġiżlattiv u amministrattiv." 

L-Imħallef innota li l-PN ma kienx biss qed jistaqsi biex il-vuċi tiegħu tinstema' imma wkoll biex jingħata d-dritt tar-risposta, dritt li jfakkar illi l-Istat għandu jipproteġi b'obbligu. 

"F'dan l-istadju l-Qorti ma tistax ma tikkumentax b'mod ġenerali... li jidher li hemm konvenzjoni mhux miktuba fil-politika Maltija illi min jirbaħ jieħu kollox. Ir-rebbieħ juża l-poter tiegħu sal-limiti possibbli, inkluż dawk li jitrattaw ix-xandir... imbagħad meta ddur il-paġna min jirbaħ jagħmel l-istess abbużi (li dwarhom kien jilmenta)."

L-Imħallef sostna illi l-Qorti ma kinitx f'pożizzjoni li tagħti rimedju sħiħ għax fakkar li d-dritt tar-risposta, jekk mogħti wara ħafna żmien jitlef mill-effett tiegħu u fakkar li l-Qorti kienet irranġat id-dati biex jinstema' l-każ b'urġenza, iżda sadanittant kienet imsejħa elezzjoni. "Minħabba żmien limitat il-Qorti ma kinitx f'pożizzjoni li tiddeċiedi sa qabel l-elezzjoni." 

Il-Qorti għalhekk sabet lill-Awtorità tax-Xandir u lill-PBS ħatja ta' diskriminazzjoni u filwaqt li ordnat li jixxandar rimedju fi żmien tmint ijiem ordnat ukoll li dawn iħallsu multa ta' €3,000 - €1,500 li jitħallsu mill-PBS u l-€1,500 l-oħra li jitħallsu mill-Awtorità tax-Xandir. 

Il-PN kien irrappreżentat mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll l-avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, filwaqt li l-Profs Ian Refalo deher għall-Awtorità tax-Xandir u Edward Gatt, flimkien ma' Mark Vassallo għall-PBS. 

Minkejja dan il-Qorti ma sabet ebda forma ta' ħtija fil-konfront ta' Carmelo Abela, li dak iż-żmien kien il-Ministru bil-portafoll tax-xandir. 

'Il-PM Robert Abela għandu kontroll assolut fuq ix-xandir' - Bernard Grech

Intant waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata iktar tard mal-ġurnata l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li din is-sentenza hija konferma illi hemm "diskriminazzjoni ċara mill-PBS kontra l-PN. Filwaqt li kkwota partijiet mis-sentenza, saħaq illi din is-sentenza turi li dawn l-istituzzjoniniet qegħdin hemm, "mhux biex jaqdu lill-poplu, iżda biex jaġevolaw l-iskop partiġġjan tal-Gvern ta' Robert Abela. Din is-sentenza tikkonferma l-kontroll assolut tal-Prim Ministru fuq ix-xandir." 

Grech ilmenta li d-danni li sofra l-PN huma rreparabbli u qal li d-demokrazija tinsab mhedda għax il-PM Abela "ħataf l-istituzjonijiet taħt idejh." 

More in Politika