L-ewwel 100 jum tal-Gvern: Wegħdi mwettqa, arroganza, għoli tal-ħajja u ċertifikat sabiħ!

Forsi għax wara l-Covid,  forsi għax wara ħames snin ta' taqlib politiku u forsi għax il-PN reġa' qala' tkaxkira papali. Imma dawn il-100 jum kienu kkaraterizzati minn ħafna diżinteress fil-politika. Xorta iżda kellna l-ewwel tieqa żgħira lejn il-ħames snin li ġejjin... 

Ftit ġranet oħra l-Gvern se jkun ilu 100 jum fil-poter f'din il-leġiżlatura  - perjodu ta' żmien li ġeneralment jintuża fil-politika biex ikunu analizzati l-ewwel deċiżjonijiet u l-ewwel indikazzjonijiet ta' dak li se joffri dan il-Gvern għas-snin li ġejjin. Għax kif jgħid il-Malti, il-ġurnata minn filgħodu turik! 

U x'urewna dawn il-100 jum ta' Gvern ta' Robert Abela - li fil-fatt jimmarkaw disa' snin ta' Gvern Laburista u sentejn u nofs ta' Gvern immexxi minn Robert Abela?  

Il-gazzetta ILLUM tħares lejn dawk id-deċiżjonijiet pożittivi, oħrajn (għalissa) newtrali u dawk id-deċiżjonijiet (jew nuqqas tagħhom) li nistgħu nikkunsidraw bħala negattivi.  

L-FATF - ċertifikat pożittiv għall-Gvern ta' Abela! 

Irridu nitilqu mill-premessa - kif wara kollox għamel il-Prim Ministru innifsu illi Malta ma messha qatt daħlet f'din il-lista. U t-tieni premessa li probabbilment Malta daħlet fuq din il-lista mhux tant għax kellha nuqqasijiet marbutin ma' ħasil ta' flus (Londra kienet imlaqqma l-Kapitali tal-Ħasil tal-flus - minn istituzzjonijiet finanzjarji -  u r-Renju Unit ma spiċċax fil-Lista l-Griża), iżda aktar minn hekk, għax attirat lejha l-agħar tip ta' attenzjoni bl-assassinju ta' ġurnalista. Sussegwentement, biex Malta tattira aktar attenzjoni negattiva, ġew implikati f'punt jew ieħor f'dan l-assassinju nies li kienu qrib ħafna tal-poter (Yorgen Fenech) u nies li kienu parti mill-poter (Keith Schembri u anke Chris Cardona). Schembri - li kien diġà f'nofs kontroversja minħabba li fetaħ kumpanija fil-Panama u kellu rabtiet ma' 17 Black - kien qrib ħafna tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Joseph Muscat.  

Lilhinn minn dan kollu, jibqa' fatt li t-tpoġġija ta' Malta fuq il-Lista l-Griża kienet sfida enormi u daqqa ta' ħarta reputazzjonali, li setgħet tmur f'direzzjoni ħafna iktar gravi li kieku l-FATF iddeċidiet li ma tneħħix lil pajjiżna minn din il-lista.  

Il-fatt li l-Gvern Malti avvanza biżżejjed fuq ir-riformi li kienu mistennijin li jsiru biex Malta ħarġet minn din il-lista, f'perjodu rekord, huwa mertu wkoll tal-Gvern ta' Abela - anke jekk uħud mir-riformi ħolqu ilmenti fost diversi negozji żgħar u medji, bħal dawk li jitrattaw flus kontanti u banek bi proċessi aktar konservattivi.  

Issa xogħol il-Gvern fiż-żmien li ġej huwa li kemm jista' jkun isewwi minn din il-ħsara reputazzjonali, sabiex is-settur finanzjarju li kien fuq ix-xwiek u f'ċerta element ta' inċertezza jerġa' jiffjorixxi.  

Sinjali ta' arroganza! 

Il-Gvern ma bbrillax wisq fil-mod kif tratta l-kwistjoni ta' Kemmuna u għaffiġha fil-każ tal-Avviż Legali tal-Belt Valletta, fejn qed tidher ċerta sens ta' arroganza u nuqqas ta' rieda li ma kinitx daqstant karatteristika ta' Gvern Laburista f'dawn id-disa' snin, meta l-poplu jew parti minnu jqum u jilmenta.  

Għalkemm il-kwistjoni tal-mużika fil-Belt Valletta mhijiex l-akbar kwistjoni nazzjonali u tolqot biss għexieren li jgħixu f'toroq speċifiċi fil-Kapitali (xorta hija kwistjoni importanti ħafna) il-mod kif il-Gvern ta' Abela qed jitrattaha tista' tkun sintomatika ta' arroganza li issa bdiet terfa' rasha sew.  

L-ewwelnett, il-fatt li l-Gvern daħħal dan l-Avviż Legali mingħajr konsultazzjoni ma' ħadd - la man-negozji (bħal-lukandi) u wisq inqas mar-residenti li kien ovvju mill-bidu illi se jintlaqtu.  

It-tieninett, kien hemm id-deċiżjoni tal-Partit Laburista li ma jħallix lid-Deputati tiegħu tal-Ewwel Distrett jesprimu ruħhom fuq dan l-avviż legali meta mitlubin jagħmlu dan minn din il-gazzetta. Għalkemm dan il-punt partikolari seta' ma kienx innutat minn uħud, huwa sintomatiku ta' Gvern li 1) Ma jafdax lid-Deputati tiegħu stess bl-opinjoni tagħhom 2) Li fih dieħla ċerta sens ta' paranoia u biża' li d-differenza fil-ħsieb li hemm internament toħroġ u tiġi meqjusa bħala firda, 3) Li l-Gvern qed inaqqas kemm jista' l-kuntatt u l-mistoqsijiet diretti mal-midja (tant li Robert Abela għadu ma qgħadx għal intervista waħda mill-elezzjoni ġenerali mal-midja indipendenti!) u 4) Li ma jindunax illi dan kollu qed jagħmel ħsara lill-immaġini tiegħu.  

U finalment, id-difiża assoluta tal-Prim Ministru kemm għall-Avviż Legali u anke għall-mod kif iddaħħal, mingħajr ma mqar indika li l-Gvern lest illi jpoġġi, jisma' u jekk hemm bżonn ibiddel aktar tfakkar lil bosta fl-arroganza tal-aħħar snin ta' Gvern Nazzjonalista, milli l-aħħar snin ta' Gvern Laburista.  

IVF u wegħdi miżmuma fl-ewwel 100 jum 

Definittivament li l-ewwel 100 jum ta' din il-leġiżlatura wrew Gvern ta' Abela li huwa determinat li jwettaq ħafna wegħdi li għamel qabel l-aħħar elezzjoni, li huwa importanti sabiex jibni fuq il-perċezzjoni diġà eżsitenti u popolari illi Gvern Laburista jwettaq dak li jwiegħed.  

It-twessigħ tas-servizzi tal-IVF, flimkien mal-kontinwità fil-ħlas lura ta' flus minfuqin fuq mediċini tal-IVF huma passi pożittivi li minnhom qed igawdu - finanzjarjament u moralment ukoll - ġenituri li ilhom biex ikollhom it-tfal.  

L-emendi fil-Liġi tal-IVF qed jagħmluha aktar faċli li ġenituri b'embrjuni ffriżati barra mill-pajjiż ikomplu l-proċess hawn Malta, aktar faċli għal koppji nisa li jagħtu l-bajda lil xulxin u inqas tbatija u stejjer ta' trabi li jmutu jew jgħixu ħajja qasira u ta' tbatija permezz tal-introduzzjoni ta' ttestjar PGT.  

Il-Gvern wiegħed li se jwettaq dawn il-bidliet u wettaqhom.  

Matul din il-ġimgħa wkoll il-Gvern ressaq il-ftehim li sar mal-AUM u anke SmartCity hekk kif kien wiegħed il-Prim Ministru Abela qabel l-elezzjoni. Dan seħħ wara illi l-Gvern waqqa' pjanijiet għal żvilupp ta' dormitorju fiż-Żonqor u waqqa' wkoll il-pjanijiet għal yacht marina fl-istess lokalità ta' Wied il-Għajn - passi meqjusin pożittivi minn ħafna u li anke kien hemm xi ftit tad-dubju dwarhom minħabba li saru propju waqt kampanja elettorali. 

Din il-ġimgħa wkoll il-Gvern ħabbar l-estensjoni tal-In Work Benefit (imħabbra fil-baġit) għal ħafna aktar nies - definittivament aħbar tajba hekk kif il-familji qed jiffaċċjaw il-problema tal-għoli tal-ħajja.  

U finalment il-Gvern kompla fejn ħalla fuq il-femiċidju f'dawn il-100 jum - mill-ġdid pass meqjus bħala pożittiv minn bosta, speċjalment għaqdiet li jirrapreżentaw lin-nisa.  

Għoli tal-Ħajja: Laqa' għall-prezzijiet tal-enerġija, iżda l-għafsa hemm qegħda 

Żgur illi pass pożittiv li ħa l-Gvern kien illi daħal għall-prezzijiet tal-enerġija li qed jisplodu minħabba diversi fatturi biex b'hekk - evidentement kontra dak li qed jiġri madwar l-UE kollha - il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma baqgħu stabbli, minflok għolew hawn ukoll. Il-Gvern alloka €200 miljun għal dan il-għan.  

Pass pożittiv ieħor - li mill-ġdid ifisser aktar flus mill-"Kaxxa ta' Malta" - huma miljuni li l-Gvern għadda lill-fornituri tal-qamħ sabiex kemm jista' jkun iżommu l-prezzijiet stabbli.  

Minkejja dawn il-passi pożittivi, jibqa' fatt illi l-għoli tal-ħajja hija sfida reali ħafna li qed tagħfas mhux ħażin fuq il-familji, speċjalment dawk bi dħul baxx u medju. Hawnhekk qed nitkellmu fuq għoli fi prezzijiet ta' prodotti bażiċi: Laħam, ħalib, ġobnijiet, yoghurts... u l-lista hija twila.  

Il-Gvern wiegħed mekkaniżmu speċjali tal-COLA għal persuni vulnerabbli, li għadu ma seħħx u li importanti li jiġi introdott issa (din is-sena) hekk kif il-problema hija daqstant aċċentwata.  

Il-Gvern se jkollu imbagħad test ieħor jaħraq meta se jiġi għall-COLA li titħabbar fil-baġit u li mistennija tkun waħda konsiderevoli ħafna fid-dawl tal-fatt li qed nesperjenzaw l-ogħla rati ta' inflazzjoni fi snin. Filwaqt li dan jaf iġib ftit soljev - anke jekk dan is-soljev se jkun is-sena d-dieħla - żgur illi COLA għolja (€6+ fil-ġimgħa - L-ogħla livell li qatt laħqet il-COLA fl-aħħar 22 sena kien €5.82, fl-2010) se tqajjem tħassib jew rabja jew inkella reżistenza fost min iħaddem hekk kif l-ispiża tal-paga tkun trid togħla b'mod konsiderevoli minn Jannar 2023.  

Għalhekk wieħed jista' jasal għal-konklużjoni illi minkejja passi fid-direzzjoni t-tajba li waslu biex il-fjuwils u l-kontijiet lokali ma jogħlewx, għad fadal diversi ostakoli marbutin mal-għoli tal-ħajja li dwarhom il-ġudizzju politiku għad irid isir.  

Il-każ tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd 

Każ ieħor li kien jaħraq - għalkemm ma tantx ingħata wisq attenzjoni probabbilment sforz l-għejja u l-apatija politika li ddominat dawn il-100 jum - kien dak li jitratta l-finanzjament tal-kampanja elettorali ta' Alicia Borg Said, minn uħud mill-akbar interessi fil-qasam tas-sajd. Sussegwentement Borg Said ingħatat ir-responsabilità tal-qasam tas-Sajd taħt il-Ministeru ta' Anton Refalo.  

Ma jistax ikun li l-Prim Ministru - li huwa avukat - ma ndunax li dan jista' joħloq kunflitt ta' interess, speċjalment fid-dawl ta' deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu u li hemm fejn jimpattaw lil dawn il-kumpaniji, li waħda minnhom tmexxi fost l-akbar rziezet tal-ħut fil-pajjiż.  

Iżda għażel li jibqa' fis-silenzju dwar dan u jikkumenta mill-inqas. Dan is-silenzju jaf jiswielu tajjeb għax 'il quddiem Bugeja Said jaf tagħti prova li hija 'l fuq minn kwalunkwe obbligi reali jew immaġinarji jew taħdem kontrih jekk iqumu dubji li Bugeja Said ma kinitx kapaċi tintrefa' l'fuq minn dawn l-obbligi u d-deċiżjonijiet tagħha jaqgħu taħt skruntinju ta' pubbliku dubjuż. 

Kabinett ġdid: Nies ġodda, neħħa li min kellu dell fuqu imma... 

Naturalment f'dawn il-100 jum il-Prim Ministru kellu jagħmel l-għażla ta' Kabinett ġdid, għażla li kompliet issaħħaħ il-perċezzjoni favorevoli illi jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji, anke jekk dawn idejqu jew iweġġgħu lil uħud minn dawk li hemm madwaru fuq il-Grupp Parlamentari. 

Neħħa lil Ian Borg minn Ministru għat-Trasport filwaqt li ħalla lil Edward Zammit Lewis, Michael Farrugia u Carmelo Abela barra. Laqtuha wkoll nies bħal Chris Agius.

Konna diġà rajna lil dan ir-Robert Abela, qabel l-elezzjoni ġenerali, meta neħħa mill-kariga ta' Segretarju Parlamentari lil Silvio Parnis - wieħed mill-ftit Deputati li b'mod voċiferu ħafna favur appoġġja l-kandidatura ta' Abela mill-Kabinett kollu ta' dak iż-żmien, fl-elezzjoni għal Mexxej Laburista ġdid fl-2020.  

Naturalment iżda, kif jingħad bl-Ingliż - the proof of the pudding is in the eating u allura wieħed ma jistax jgħid li l-għażliet ta' Abela kienu pożittivi jew negattivi, sakemm jgħaddi biżżejjed żmien biex tkun iġġudikata l-ħidma tal-Kabinett.  

Nerġgħu niltaqgħu biex nitkellmu dwar dan is-suġġett qrib is-26 ta' Marzu 2023, sena wara l-elezzjoni u allura meta l-affarijiet u l-mod li bih se jkun qed jiggverna Abela jkunu ħafna aktar ċari, meta ċerti realtajiet ikunu żviluppaw ħafna aktar u meta l-Oppożizzjoni forsi tkun f'qagħda ftit aħjar milli hi bħalissa! 

More in Politika