Ġenituri ta' tfal b'diżabilità kostretti joħorġu mijiet ta' ewro biex uliedhom ikollhom LSA

Diversi ġenituri ta' tfal b'diżabilità sfurzati jħallsu bejn €600 u f'xi każi saħansitra sa €1,800 għax ma hemmx biżżejjed Education Psychologists mal-Gvern - Waiting List ta' madwar sentejn biex it-tfal jidhru quddiem l-Istatementing Board  - Sorsi jgħidu li numru ta' tfal kostretti jitilfu s-sentejn tal-Kinder minħabba din is-sitwazzjoni 

Din il-gazzetta tista' tiżvela kif diversi ġenituri ta' tfal b'diżabilitajiet intelletwali diversi qed ikunu kostretti jonfqu l-mijiet jew inkella l-eluf sabiex jipproduċu rapport minn Educational Psychologists privati, li huwa meħtieġ biex uliedhom jirċievu Statementing Report li jiddetermina jekk ikollhomx Learning Support Assistant (LSA) fl-iskola jew le. Din is-sitwazzjoni  - li qed tħalli ġenituri u familji bi dħul baxx f'qagħda ħażina u bi problemi finanzjarji - hija riżultat tal-fatt li l-Gvern għandu ftit wisq Educational Pyschologists li jfasslu dan ir-rapport hekk importanti. 

Ġenituri u sorsi li jafu din is-sitwazzjoni sew qalu mal-ILLUM li l-Lista ta' Stennija hija waħda kbira ħafna, u f'każi ġenituri qed idumu jistennew kważi sentejn biex jidhru quddiem dan il-Bord, li imbagħad jfassal rapport li jiddetermina l-istudent ikollux LSA jew le. 

"Ħafna ġenituri qed jispiċċaw ibigħu ġidhom biex imorru għand psikoloġista fil-privat, sabiex uliedhom ikollhom dan ir-rapport u jkunu jistgħu jdaħħluhom l-iskola. Ġidhom qed ibigħu... dawn nies li jaqilgħuha u jikluha u f'daqqa waħda għax ma hemmx biżżejjed psikoloġisti maċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) qed jispiċċaw imorru għand il-privat," sostna wieħed mis-sorsi viżibbilment irrabjat dwar din is-sitwazzjoni. 

Huwa għamilha ċara li hu mhux qed jipponta' swaba lejn dawk li jipprattikaw fil-privat, għaliex dan huwa rapport voluminuż li jeħtieġ ħafna xogħol b'reqqa u li jkun twil madwar 20 paġna. Qal iżda li din hija inġustizzja kbira għal dawk it-tfal u ġenituri li gejjin minn familji bi qligħ baxx. 

"Min għandu l-flus jinqeda' u uliedu jidħlu l-iskola u min ma għandux jibqa' l-art jistenna," sostna dan is-sors. 

Ġenitur li tkellmet mal-ILLUM u li għandha waħda minn uliedha bl-ADHD saħansitra qalet illi minn kemm ilha ssegwi din is-sitwazzjoni prekarja taf b'ħafna ġenituri li kellhom jaqbżu l-Kinder għat-tfal. 

"Minħabba l-Lista twila ta' Stennija l-priorità qed tingħata lil dawk li deħlin il-Year 1, għax inkella ikunu qed jiksru l-liġi li tistipola li minn din is-sena l-iskola ssir obbligatorja. Dan filwaqt li diversi tfal ta' ġenituri li ma jistgħux iħallsu €700, €1,000 jew f'xi każi li naf anke €1,800 qed ikollhom jibqgħu jistennew fil-lista u jitilfu l-kinder. Jew inkella jaraw kif se jġibu l-flus f'qasir żmien u jmorru għand il-privat, meta suppost hemm servizz tal-Gvern! Din diskriminazzjoni!" sostniet mal-ILLUM. 

Hija kompliet tgħid illi t-tfal qegħdin jiġu żvantaġġjati intortament, għax is-CDAU ma għandux biżżejjed nies u qalet ukoll li taf illi l-awtoritajiet ilhom ikunu informati dwar din is-sitwazzjoni. 

'Iva din realtà diffiċli' - Il-Ministru Clifton Grima

Fil-fatt mal-ILLUM ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima kkonferma li din il-Lista ta' Stennija qed toħloq problemi serji għal numru ta' ġenituri u qal illi hu qed jiltqa' mal-għaqdiet u anke ma' ġenituri dwar dan. 

"Iva din realtà diffiċli," ammetta l-Ministru Grima li kompla jgħid illi l-Ministeru tiegħu beda ħidma konġunta mal-Ministeru tas-Saħħa sabiex - anke b'fondi ewropej - is-CDAU jkun ikkonsolidat, ikun iċċentrat f'binja waħda u s-servizzi jingħataw f'ambjent ta' skola. 

Huwa indika wkoll li s-CDAU - li wara kollox qed jara tfal li suppost jidħlu l-iskejjel - wasal iż-żmien li jibda jkollu responsabilità tiegħu l-Ministeru tal-Edukazzjoni, ladarba xi ħaġa bħal din qed taffetwa l-edukazzjoni tat-tfal. 

 

More in Politika