32% biss ta’ dawk li għandhom bejn 65 u 70 sena ħadu t-tieni booster


Minkejja ż-żieda fil-każi tal-Covid-19 l-anzjani u dawk vulnerabbli jibqgħu jirreżistu t-tieni doża tal-booster

 

Minkejja li l-każi tal-Covid-19 reġgħu qed jgħollu rashom hekk kif issa tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, jidher li bosta għadhom qed jirreżistu li jieħdu t-tieni doża tal-booster, jew inkella r-raba’ doża tal-vaċċin kontra dan il-virus li bosta issa qed iqisu xi ħaġa tal-passat.

Minn ċifri li kisbet il-gazzetta ILLUM mill-Ministeru għas-Saħħa jirriżulta li fost l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 65 sena u anke persuni meqjusa vulnerabbli, it-tilqim bit-tieni doża tal-booster ma tantx qed jimxi u dan minkejja l-appelli li qed isiru.

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, hekk kif il-każi komplew jiżdiedu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa importanti li l-pajjiż iżomm l-immunità għolja. Kien għalhekk li qal li se jkunu qed jerġgħu jintbagħtu l-appuntamenti, lil dawk l-anzjani li għandhom aktar minn 65 sena u li baqgħu ma marrux għall-appuntament tat-tieni doża tal-booster.

Kien dan li wassal lill-gazzetta ILLUM biex tistaqsi lill-Ministeru jispjega kemm kien hemm anzjani u persuni vulnerabbli li laqgħu l-istedina minnufih biex jerġgħu jieħdu tilqima oħra.

Sa issa, l-aktar li laqgħu l-istedina, kienu dawk l-anzjani li għandhom aktar minn 81 sena. Kienu 60% ta’ dawk li għandhom aktar minn 81 sena li marru għat-tieni doża tal-booster. Sal-bidu ta’ Mejju, meta l-ILLUM talbet l-istess ċifri, kienu biss 47% ta’ dawk li għandhom aktar minn 80 sena li marru biex jieħdu r-raba’ doża tal-vaċċin.

Fil-bqija tal-etajiet, il-persentaġġi għadhom baxxi ħafna u sa issa l-maġġoranza saħansitra għażlu li jirrifjutaw l-istedina u ma jmorrux biex jieħdu t-tieni doża.

Il-Ministeru spjega mal-ILLUM kif sa issa kienu biss 44% tal-anzjani li għandhom bejn 71 u 80 sena li marru jieħdu t-tieni doża tal-booster, filwaqt li kienu biss 32% ta’ dawk li għandhom bejn 65 u 70 sena li aċċettaw l-istess stedina u marru għall-appuntament.

Ir-reżistenza hija ċara wkoll fost dawk il-persuni meqjusa vulnerabbli, jiġifieri dawk li għandhom aktar riskju li jkollhom kumplikazzjonijiet jekk jaqbadhom il-Covid-19. Sa issa kienu 40% biss ta’ dawk meqjusa vulnerabbli li marru jieħdu t-tieni doża.

Intant, mill-1 ta’ Lulju, dawk li ma marrux għall-ewwel appuntament biex jieħdu t-tieni doża tal-booster, se jkunu qed jirċievu appuntament ġdid, f’tentattiv mill-awtoritajiet tas-saħħa biex issa li l-każi reġgħu qed jiżdiedu, ikun hemm konkorrenza akbar.

Fit-tweġiba tiegħu lill-gazzetta ILLUM, il-Ministeru appella lill-anzjani biex jaċċettaw l-istedina u jitlaqqmu biex ikollhom biżżejjed immunità biex jiġġieldu l-virus u s-sintomi tiegħu f’kas ta’ infezzjoni.

More in Politika