'Gvern serju jżid il-paga minima, il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali mill-1 ta’ Lulju mhux fil-Baġit' - ADPD

Il-Partit tal-Ħodor jinsisti li min hu dipendenti fuq paga minima, pensjoni jew servizzi soċjali għandu bżonn l-għajnuna issa u mhux fil-Baġit

Id-Deputat Chairperson ta' ADPD Sandra Gauci, fi protesta quddiem il-Parlament kmieni illum, saħqet li b’waħda mill-aktar rati ta’ inflazzjonijiet baxxi fl-Ewropa, il-poplu xorta qed iħoss il-morsa tal-għoli tal-hajja dejjem tagħfas u li l-għajnuniet ta’ darba kultant mhumiex biżżejjed..

Hija insistiet li hemm bżonn xi ħaġa aktar b’saħħitha li tgħolli lil min hu batut ‘il fuq, lill- pensjonanti, lill-dawk fil-faqar jew xifer il-faqar, li "kulma jmur qed jiżdiedu." Kompliet tgħid li l-Partit ADPD kien jistenna li Gvern serju jżid il-paga minima u l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali mill-1 ta’ Lulju biex jittaffu ftit l-effetti id-daqqa kbira li Malta qed tesperjenza.

Hu meħtieġ, żiedet temfasizza Sandra Gauci, li l-paga minima kif ukoll il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali jassiguraw livell bażiku ta’ għixien diċenti. "Min hu dipendenti fuq paga minima, fuq il-pensjoni jew fuq is-servizzi soċjali biex jgħix hu jew hi u l-familja jeħtieġu għajnuna kbira issa, u mhux sitt xhur oħra!"

Hija temmet tgħid li sabet ruħha sorpriża li l-Gvern jiddeskrivi ruħu bħala, "inspirat minn prinċipji soċjaldemokratiċi," iżda imbagħad ma jagħmilx iktar emfasi fuq il-ħtieġa li l-paga u l-pensjoni jkunu ta’ livell diċenti biex tgħix bihom. "Dan hu rifless fil-viżjoni soċjali għall-15-il sena (Viżjoni Soċjali għal Malta 2035) li ġejja li l-Gvern ippubblika għal konsultazzjoni pubblika li dwar dan kollu ma fih xejn," ikkonkludiet Sandra Gauci.

Intant, fil-protesta tkellem ukoll ic-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo li min-naħa tiegħu qal li l-kriżi li qegħdin fiha mhux se tkun qed tispiċċa malajr. Żied jgħid li dan hu l-mument opportun li "niffukaw fuq jekk hemmx metodi aħjar dwar kif jistgħu jintużaw is-sussidji b’mod partikolari dawk applikati għall-petrol, dijżil u elettriku. Il-prezzijiet internazzjonali se jdumu għoljin." 

Huwa fakkar li minkejja qegħdin kważi f’nofs is-sena, il-morsa tal-għoli tal-ħajja qegħda tinħass minn kulħadd u dan anke wara s-sussidji li qed jingħataw f’nofs is-sena, "il-vulnerabbli qed iħossuhom mgħaffġa." Qal ukoll li huwa d-dritt tal-istess persuni li m’għandhomx jibqgħu jistennew sitt xhur oħra biex ikunu mgħejjuna biż-żieda għall-għoli tal-ħajja. "Ma jagħmilx sens li noqgħodu nistennew sal-aħħar tas-sena għax min qed jgħix b’paga minima inkella bil-pensjoni jew servizzi soċjali ma jistax joqgħod is-sitt xhur li ġejjin jistenna ż-żieda għall-għoli tal-ħajja biex ikun jista’ jixtri l-affarijiet essenzjali," temm jgħid Carmel Cacopardo.

More in Politika