Il-Ġermanja twessa' l-użu ta' impjanti tal-faħam hekk kif 'kriżi fil-provvista tal-gass' hija imminenti

Il-Ġermanja - l-akbar pajjiż tal-UE - huwa fost l-aktar li ntlaqtu mill-waqfien tal-fornitura tal-gass mir-Russja

Il-Ġermanja attivat t-tieni fażi ta' pjan ta' emerġenza għal fornitura tal-gass naturali, bil-pajjiż - l-akbar fl-Unjoni Ewropea - jgħid illi se jiffaċċja kriżi hekk kif mhux se jintlaħqu l-miri tal-ħażna tal-gass bil-lest għax-Xitwa li ġejja. Dan wara li l-pajjiż esperjenza tnaqqis ta' 60% fil-gass li ġej mir-Russja permezz tal-Pipeline Nord Stream 1. 

Il-Minstru tal-Ekonomija Ġermaniż saħansitra qal illi miżuri bex jilqgħu għal din ir-realtà se jippermettu l-użu ikbar ta' impjanti li jaħdmu bil-faħam, kif ukoll sistema li permezz tagħha l-industrija tikkonsma inqas dawl. L-użu ta' impjanti tal-faħam huwa pass dijamettrikament oppost għad-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea, li qed taħdem biex tilħaq il-miri għal Ewropa klimatikament newtrali b'użu tal-idroġenu, minflok il-gass.

Il-Gvern Ġermaniż qal illi għalkemm il-faċilitajiet tal-ħażna huma mimlijin sa 58% - li huwa aktar mis-sena l-oħra - il-mira li tintlaħaq id-90% se tkun diffiċli jekk mhux b'miżuri addizzjonali. 

Il-Ministru Robert Habeck iddeskriva is-sitwazzjoni bħala waħda serja u sostna illi t-tnaqqis tal-provvista tal-gass hija "attakk ta' Putin fuqna." Huwa qal illi l-Ġermanja se tiddefendi ruħha għalkemm wissa li t-triq se tkun diffiċli. 

"Anke jekk mhux qed inħossuha sa issa, ninsabu fi kriżi." 

Il-Ġermanja hija fost l-aktar pajjiżi milqutin, hekk kif għandha rabtiet ekonomiċi b'saħħithom mar-Russja li jmorru lura għat-Tieni Gwerra Dinjija, meta parti mill-Ġermanja - dik tal-Lvant - kienet immexxija mill-Unjoni Sovjetika. 

More in Politika