Iż-żieda fir-rati tal-imgħax: 'Mhux se jnaqqsu mill-problema tal-għoli tal-ħajja anzi se joħonqu t-tkabbir'

Hekk kif il-Bank Ċentrali Ewropew qed iżid ir-rati tal-Imgħax għall-ewwel darba wara 11-il sena, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-ekonomista Clint Flores dwar għaliex qed jittieħed pass bħal dan u x'effett jista' jkollu fuq il-prezzijiet u fuq l-ekonomija... 

Dan l-aħħar l-attenzjoni fuq l-andament ekonomiku daret fuq l-inflazzjoni - jiġifieri iż-żieda fil-prezzijiet u ċ-ċaqliq tal-interessi mill-Federal Reserve tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Bank of England u l-Bank Ċentrali Ewropew. Sabiex inkunu ftit aktar preċiżi f’dak li se nkunu qegħdin nitkellmu fuqu, huwa fatt li r-rata fiż-żieda fil-prezzijiet, kemm tal-ikel kif ukoll tal-enerġija, kienu wkoll ikkawżati u huma riżultat tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-ekonomista Clint Flores li saħaq illi minkejja li huwa veru li l-gwerra hija kontributur ewlieni għal dawn iż-żidiet, l-inflazzjoni kienet ilha li bdiet tgħolli rasha minn qabel l-invażjoni Russa. Huwa qal illi parti mir-raġuni huma l-prezzijiet tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar, "wara li kien hemm dewmien hekk kif id-dinja bdiet ħierġa mill-pandemija u bdiet tipproduċi biex tlaħħaq mad-domanda globali." 

Flores fakkar li ħafna mill-merkanzija hija mwaħħla f’Shanghai li huwa wieħed mill-akbar portijiet li jissuplixxi l-merkanzija, hekk kif reġa’ kien hemm għeluq minħabba l-pandemija tal-COVID-19.  

Apparti minn hekk, iċ-Ċina għandha sebgħa mill-aqwa għaxar portijiet tal-kontejners fid-dinja. In-numru ta’ bastimenti li qed jistennew fil-port ta' Shanghai u l-pressjoni qed tibni wkoll fuq portijiet Ċiniżi oħra, hekk kif il-bastimenti jippruvaw isibu portijiet alternattivi għall-irmiġġ, kompla jgħid Flores.  

Huwa jkompli jispjega wkoll li hemm ukoll il-problema li l-kontenituri qed jinġabru lura minħabba nuqqas ta’ trakkijiet u xufiera. Ma jonqosx ifakkar li kawża ta’ dan il-prezzijiet anke tal-assigurazzjoni żdiedu b’mod "allarmanti" u għalhekk il-prezzijiet kawża ta’ dan - fuq ċertu prodotti - kellhom jgħaddu fuq il-konsumatur.  

"Importanti li nsemmu li kif faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna u r-Russja u peress li dawn il-pajjiżi huma esportaturi kbar tal-qmuħ, ċereali, u prodotti essenzjali oħra, il-gwerra għamlitha diffiċli biex dawn l-istess prodotti essenzjali ikunu esportati lejn id-dinja. Għalhekk inħoloq tnaqqis fil-forniment ta’ dawn il-prodotti. Ukoll, ir-Russja u l-Belarussja, huma l-akbar esportaturi tal-fertilizzant u bejniethom jesportaw 40% tal-fertilizzant madwar id-dinja," kompla jgħid l-Ekonomista mal-ILLUM. Huwa fakkar fl-importanza tal-feritlizzant fis-settur agrikolu.  

"Is-sanzjonijiet li kienu imposti ukoll fuq l-enerġija, l-esportazzjoni taż-żejt u anke il-gass, komplew iżidu il-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk, meta jiżdied il-prezz tal-enerġija li huwa bżonnjuż sabiex tipproduċi kollox, ħafna mill-produtturi jispiċċaw jgħaddu n-nefqa fuq il-konsumatur." 

'Li tgħolli ir-rati tal-imgħax hija waħda mill-għodod tal-kontroll' 

F'dan il-punt għalhekk l-intervista ddur fuq l-importanza li l-awtoritajiet jikkontrollaw l-inflazzjoni.  

Huwa hawn li jfakkar illi l-inkarigu primarju għall-Federal Reserve fl-Istati Uniti huwa li jikkontrolla l-provvista ta' flus fl-ekonomija tal-pajjiż.  

"Wieħed mill-għodod hu li tinfluwenza r-rati tal-imgħax u hija l-għodda tal-politika monetarja l-aktar prominenti u effettiva tal-Amerika. Ir-rata tal-Federal Reserve hija l-iktar punt ta’ referenza importanti għar-rati tal-imgħax fl-ekonomija tal-Istati Uniti u kawża ta’ dan tinfluwenza r-rati tal-imgħax fl-ekonomija globali kollha," spjega Flores 

Huwa qal li konsegwenza ta' hekk il-Bank of England ukoll żied ir-rata tal-interessi sabiex jikkontrolla l-inflazzjoni, filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet il-Bank Ċentrali Ewropew ukoll ħabbar li għall-ewwel darba f’diċenju se jkun qed jgħolli ir-rati tal-imgħaxx f’Lulju, b’żieda oħra f’Settembru ssegwi. 

Ħsibijiet differenti dwar l-effetti tal-miżura... 

Hemm ħsibijiet differenti dwar żieda fir-rati tal-interessi, ifakkar Flores, li jgħid illi hemm akkademiċi u anke ekonomisti li jipprofessaw ħsieb ekonomiku monetarju u allura li jemmnu li għandek issolvi l-problema tal-għoli tal-ħajja billi tgħolli r-rati tal-imgħax u dawk tal-ħsieb ta’ Keynes li jemmnu li l-Gvern għandu jintervjeni sabiex ikabbar l-ekonomija fi żmien diffiċli. Huwa qal li fil-fatt dawn kollha ħarġu bil-ħsieb tagħhom dwar iż-żieda tal-imgħax.  

"Dawk li jipprofessaw ħsieb ekonomiku monetarju, anke dawk li jfasslu l-politika tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk ma jimxux b'mod aggressiv u jagħmluha ċara li se jimxu b’mod aktar b’saħħtu sabiex jikkontrollaw l-inflazzjoni, din tibqa’ tiela," bassar Flores. Fil-fatt ifakkar li l-impenn tal-Kunsill Governattiv hu li jżomm mal-mira tiegħu ta' inflazzjoni ta’ 2% fuq terminu medju, u dan huwa l-pass li bih il-Kunsill Governattiv jaġġusta l-politika monetarja tiegħu. "Din se tkun qed tiddependi ukoll fuq l-istatistika li tidħol u kif se tkun ivvalutata l-inflazzjoni sabiex tiżviluppa fi żmien medju. Ta’ min isemmi li l-inflazzjoni f’Mejju li għadda kienet ta’ 8.1% fid-19-il pajjjiż fiz-zona ewro." 

Id-dilemma: Li tgħolli r-rati ta' interess jew li tiżdied l-inflazzjoni? 

Intant imbagħad Flores ifakkar fiż-żewġt uċuħ tal-munita għal din iż-żieda, li fl-aħħar mill-aħħar ifakkar illi hija sinjal mill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex tkun ikkontrollata l-inflazzjoni.  

Huwa jibda billi jgħid illi meta tgħolli r-rati tal-interessi ikun ifisser li għandek rata aktar għolja sabiex tissellef kapital li jista’ wkoll iżda ixxekkel l-investiment privat u kawża ta’ dan tonqos ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku anke minħabba tnaqqis fir-rata tal-konsum.  

Flores qal illi jifhem li dawk li jfasslu l-politika qed jiffaċċjaw dilemma sabiex irażżnu l-inflazzjoni mingħajr ma jżidu t-tnaqqis ekonomiku li qed jirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet u l-embargos assoċjati u imposti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja. "Dawn qabel kienu sors ewlieni ta’ importazzjoni tal-enerġija għall-Unjoni Ewropea. Din hi sikkina li taqta’ minn żewġ naħat," kompla jgħid.   

Huwa qal illi fuq naħa għandek il-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew li qiegħed taħt kundizzjonijiet ta’ stress, għax irid ukoll iżomm il-flessibbiltà tal-politika monetarja, anke meta jkun hemm theddid li l-politika monetarja tista’ tipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet. U minn naħa l-oħra fl-Unjoni Ewropea r-riskju hu li l-inflazzjoni tissaħħaħ, l-aspettattivi tal-inflazzjoni ma jibqgħux ankrati u għalhekk eventwalment il-Bank Ċentrali Ewropew ikollu jgħolli r-rati ħafna ogħla milli kieku kellu jgħollihom.  

"Din hi kawża wkoll ta’ kif dejjem għidt tal-prossimità tal-Ewropa għall-gwerra fl-Ukrajna, l-interdipendenza mar-Russja u l-effetti kollha tas-sanzonijiet li qed jikkawżaw effetti ekonomiċi negattivi," qal l-ekonomista li sostna illi tant ġejjin xokkijiet negattivi mill-gwerra u inċertezza li dawk li jipprofessaw ħsieb ekonomiku monetarju jemmnu li tgħolli jew ma tgħollix ir-rati tal-interess, it-tbassir hu li l-ekonomija se tnaqqas it-tkabbir tagħha. "Għalhekk il-pressjoni tal-prezzijiet li se jiżdiedu kellha titrażżan billi jgħollu ir-rati tal-interessi." 

Iż-żieda fir-rati tal-interessi se ssolvi l-problema tal-inflazzjoni? 

"Jien nemmen li ż-żieda tar-rati tal-imgħax mhux se ssolvi l-problema tal-inflazzjoni, dan minħabba il-fatt li r-rata tal-inflazzjoni mhux ġejja mid-domanda imma mil-provvista. Li tgħolli r-rati tal-imgħax mhux se toħloq aktar ikel, is-sors ta’ minn fejn ġejja ż-żieda. Anzi nemmen li din se tkun qed tagħmilha aktar diffiċli għall-investiment privat," hekk beda jsostni Clint Flores għall-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM.  

Huwa qal li I-problema tal-provvista trid tkun imnaqqsa u l-intervent hemm irid isir. Għalhekk temm isostni li s-soluzzjoni hija - anke f'Malta - li nipproduċu l-ikel aħna stess. "Jekk fuq livell globali jew Ewropew mhux se tingħata  prijorità lill-produzzjoni tal-ikel, se tkun problema kbira biex iżżomm mal-prezzijiet stabbli u se jkun hawn aktar faqar."  

Huwa fakkar li kien hemm żmien fejn l-Unjoni Ewropea kien ikollha eċċess ta’ ikel u qal illi naħseb li rridu nagħmlu minn kollox biex il-provvista tiżdied speċjalment għall-kontinent, għax tista’ tikkawża dipressjoni globali jekk nibqgħu bi tnaqqis fil-provvista. "Jien nemmen li billi se jgħollu r-rati tal-imgħax u joħonqu t-tkabbir ekonomiku mhux se jsolvu l-inflazzjoni, la fl-immedjat u l-anqas fit-terminu medju."

More in Politika