‘It-Topo seta’ kixef il-Parlament kollu għax xorta ma kontx nwaqqa’ akkuża ta’ attentat ta’ qtil’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Segretarju tal-Malta Police Union, Neville Mercieca, li spjega f’aktar dettall ir-raġuni wara t-talba tar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u anke dwar l-inkjesta independenti fil-każ ta’ Iosef Galea

Fuq ix-xellug: L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg. Fuq il-lemin: Neville Mercieca
Fuq ix-xellug: L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg. Fuq il-lemin: Neville Mercieca

Is-Segretarju tal-Malta Police Union, Neville Mercieca, saħaq mal-ILLUM li bid-deċiżjoni li ħadet l-Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg, meta għamlet patteġġjament ma’ Daren Debono t-Topo, hija ramiet lill-pulizija “għas-skapitù ta’ xi ħaġa li hija fantażija.” Dan għaliex, skont hu, ma kien hemm l-ebda garanzija li t-Topo kien vera se jixhed u fil-verità “ġara kif għidna aħna, għax dan x'deterrent kien hemm biex jixhed bilfors?” 

Mistoqsi mill-ILLUM jekk kienx jaħsibha l-istess li kieku Debono kixef l-ismijiet ta’ dawk involuti inkluż ta’ Membru Parlamentari, kif hemm min qed jallega, Mercieca fil-pront wieġeb; “Lanqas li kieku xehed u semma' l-Parlament kollu, xorta ma tagħmillix differenza.” 

Fil-fehma ta’ Mercieca, il-mument illi l-Avukat Ġenerali waqqgħet l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil, f’dan il-każ fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, hija ramiet lill-vittmi u naqset mir-rispett lejn il-korp kollu. 

Huwa qal ukoll li ma jistax jifhem kif Buttigieg reġa’ bdielha u dawret il-ħsieb daqshekk malajr. 

“Filli se joqtolhom u filli le! Għax inti tinsiex li l-akkużi l-Avukat Ġenerali tkun ħarġithom, allura għaliex reġa' bdielha? U x'ħadu l-vittmi? Ejja ngħidu li kixef parlament kollu, x'ġustizzja saret ma’ dawn il-vittmi?” qal mal-ILLUM Neville Mercieca. 

‘Seta’ kien min kien, kriminal jew qassis. Jien mill-każ jinteressani mhux mill-persuna’ 

L-Unjin, ikompli jispjega mal-ILLUM, ilha xahar li talbet ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg, iżda daqshekk ukoll ilhom il-Unjin bla risposta. Ir-raġuni li l-Unjin tat mat-talba tar-riżenja kienet illi “l-Avukat Ġenerali naqset milli tipproteġi lill-protetturi u lil dawk li jippruvaw iżommu pajjiżna sigur.” 

Dan kollu inqala' fid-dawl tal-patteġġjament - li jiddeskrivi bħala "fallut" -  li l-Avukat Ġenerali għamlet ma’ Daren Debono, it-Topo fejn ingħata sentenza ridotta ta’ għaxar snin u sitt xhur hekk kif l-akkuża ta’ attentat ta' omiċidju twaqqgħet. Hawn fejn Debono wieġeb ħati għall-involviment tiegħu fl-attentat ta' serqa mill-HSBC fl-2010 u li fiha kienu sparati diversi tiri lejn uffiċjali tal-Pulizija li laħqu marru fuq il-post u sfrattaw is-serqa. 

Neville Mercieca mal-ILLUM spjega li fil-verità hu ma jinteressahx jekk il-persuna li saret patteġġjament magħha kienx kriminali jew qassis, hu jinteressah biss mill-każ li skont hu seta’ jiġi indirizzat b’modi oħra. 

“Mhux qed innaqqsu mid-dritt tal-persuna li tiddefendi d-drittijiet tagħha, pero' l-Avukat Ġenerali kellha toroq oħra x'tieħu. Setgħet tħalli l-kors tal-Qorti għaddej, jiġifieri bħal ma ġara mal-Koħħu. Ammetta, tela' l-Qorti u ħa maħfra mod ieħor.” 

Mercieca fakkar li dakinhar tas-serqa, investigaturi forensiċi rrapurtaw li b’kollox ġew sparati 65 tir lejn il-pulizija li kienu quddiem il-kwartieri tal-Bank tal-HSBC f’Ħal Qormi. Dan għalih ifisser li mhux persuna bi żball għafset il-grillu, iżda jidher biċ-ċar li kien attentat ta’ qtil. Filwaqt li jiċċara li mhux f’idejh li jakkuża persuna innoċenti sakemm tinstab ħatja, hu jfakkar li din l-informazzjoni kollha ħarġet fil-Qorti.  

Mistoqsi mill-ILLUM x’kien jagħmel kieku kien minflok Victoria Buttigieg, huwa wieġeb li għalkemm dak mhux xogħlu kien jistenna li toħroġ ordni oħra. 

“Mela inti tista' tarmi akkuża biex xi ħadd jixhed? Konna ninvestigaw aktar biex il-vittma li f'dan il-każ kienu l-pulizija konna nipproteġuhom u x-xogħol xorta kien isir,” tenna Mercieca. 

‘Aħna għandna l-fiduċja assoluta fil-ġudikatura’ – Mercieca dwar il-każ ta’ Iosif Galea 

Naqbżu issa fuq kwistjoni oħra attwali li l-Korp tal-Pulizija hu involut fiha direttament, il-każ ta’ Iosif Galea.  

Mistoqsi dwar dan mill-ILLUM, is-Segretarju Neville Mercieca spjega li l-Malta Police Union tqis l-allegazzjonijiet li qed jitressqu fil-konfront tal-Korp tal-Pulizija, u membri tal-Korp tal-Pulizija serji ħafna peress li dawn jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq wieħed jew ħafna mill-membri tagħha. 

Kompla jgħid li l-unjin tqis li d-deċiżjoni li jkun hemm il-Bord tal-Ilmenti tal-Pulizija Indipendenti, stabbilit permezz ta’ Kapitlu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta mhux korretta peress li dan il-Bord m’għandux biżżejjed poteri statutorji biex jinvestiga, speċjalment fil-qasam ta’ kwistjonijiet kriminali.  

Fakkar, li din il-kwistjoni kienet relatata ma’ investigazzjonijiet tal-pulizija li huma eżenti skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u anke membri tal-Korp tal-Pulizija ma jistgħux jiżvelawhom sakemm ma jkunux ordnati jagħmlu dan minn Qorti. 

Kien għalhekk li l-unjin talbet inkjesta indipendeti għax “mhi se taċċetta l-ebda sejbiet minn xi Bord li mhux indipendenti, jew meqjus bħala indipendenti.”  

“Dan huwa pass ieħor, li qed tieħu l-Malta Police Union biex tassigura li l-ġustizzja mhux biss issir, iżda tidher li ssir ħalli nserrħu moħħ kulħadd, inkluż tagħna,” saħaq Mercieca. 

Intant, huwa temm jgħid li għalkemm mhux dejjem jaqblu ma’ dak  li tagħmel il-ġudikatura, “il-Malta Police Union għandna fiduċja assoluta fiha. 

More in Politika